Rapport maħruġ min-Nazzjonijiet Uniti juri li fil-Kolumbja żdiedet sostanzjalment il-kultivazzjoni tal-pjanti coca – l-ingredjent ewlieni tad-droga illegali kokaina.
Skont dan ir-rapport, matul is-sena li għaddiet il-kultivazzjoni tal-coca żdiedet b’204,000 ettaru li tfisser żieda ta’ 43% fuq is-snin ta’ qabel. Din hija l-ikbar ċifra qatt miġbura mill-UN Office on Drugs and Crime (UNODC), organizzazzjoni li ilha tiġbor l-informazzjoni mill-2001. Sa qabel din iċ-ċifra, il-Kolumbja diġà kienet l-ikbar produttur tal-kokaina fid-dinja. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-President Kolumbjan Gustavo Petro qal li l-ġlieda kontra d-droga f’dan il-pajjiż kienet falliment.
Il-maġġoranza ta’ kokaina prodotta fil-Kolumbja tiġi traffikata lejn l-Ewropa u l-Istati Uniti, b’tal-aħħar hija l-ikbar konsumatur ta’ din id-droga.
Għal snin sħaħ il-bdiewa Kolumbjani sabuha diffiċli biex iwaqqfu l-produzzjoni tal-kokaina u s-sitwazzjoni kompliet serja għall-agħar meta l-inizjattivi, is-sussidji u l-wegħdi li saru lil dawn il-bdiewa biex jibdlu l-produzzjoni tagħhom għal xi ħaġa oħra ma mmaterjalizzawx.