Monday, September 15, 2025

IL-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU … SOLUZZJONIJIET U MHUX TPAĊPIĊ

Aqra wkoll

Iddur fejn iddur, tipprova kemm tipprova, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna hija waħda li xi kultant qiegħda toffri sfida kemm liċ-ċittadini li jużaw mhux biss il-mezz tat-trasport pubbliku, iżda anke dawk li jsuqu l-vettura privata tagħhom u oħrajn li jagħżlu li jimxu.

Però billi noqogħdu bilqegħda fuq is-sufan u nikkritikaw biss, mhux se nsolvu ebda problema. Għalhekk dawk li jkunu minn ta’ quddiem biex mal-ewwel okkażjoni joħorġu jikkritikaw l-volum tat-traffiku, jeħtieġ li minbarra l-paroli, huma wkoll joħorġu b’xi idea jew soluzzjoni.

Nemmnu wkoll li trid tinqata’ r-retorika ta’ ċertu politiċi li minflok jippruvaw jersqu bis-soluzzjonijiet biex ikoll nimxu ‘l quddiem, jispiċċaw f’attakki ta’ propoganda partiġġjana.

Tħabbru numru ta’ miżuri ġodda li se jidħlu fis-seħħ matul ix-xahar ta’ Settembru, xahar impenjattiv bil-ftuħ tal-iskejjel. Insemmu wkoll li barra minnhekk se jiżdied ukoll l-infurzar f’punti strateġiċi madwar il-pajjiż, biex ikun hemm iktar dixxiplina u rispett fit-toroq tagħna.

Mil-lum mat-80 uffiċjal ta’ Transport Malta se jkunu stazzjonati f’33 żona madwar Malta u Għawdex biex jassistu fl-immaniġġjar tat-traffiku. Dan b’enfasi fuq il-peak hours li huma bejn 06:30 u 09:30 ta’ filgħodu u bejn 15:30 u 18:30 ta’ wara nofsinhar. Ninnutaw kif se jiżdied l-infurzar f’punti strateġiċi madwar il-pajjiż, biex ikun hemm iktar dixxiplina u fuq kollox rispett għar-regoli tat-traffiku ħalli jiġu evitati inċidenti li jwasslu għal konġestjoni bla bżonn. L-għan ewlieni ta’ dawn il-miżuri hu li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq ir-rutina tal-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li titjieb is-sigurtà fit-toroq u l-fluss tat-traffiku.

Servizz ġdid li se jibda jingħata mill-aħħar ta’ Settembru huwa dak tal-Park & Ride minn Ta’ Qali u jibqa’ sejjer lejn ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Mater Dei u l-Università ta’ Malta. Din hija miżura oħra implimentata fil-pjan Reshaping our Mobility u tingħaqad katina ma’ servizz ta’ park & ride ieħor eżistenti ta’ Raħal Ġdid li beda jopera f’Lulju ta’ din is-sena mill-parkeġġ biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata bil-għan li titnaqqas kemm tista’ l-konġestjoni u tniġġis miċ-ċentri tal-irħula filwaqt li jtaffu’ mill-problema tal-parkeġġ f’żoni kummerċjali u urbani.

Naqblu ma’ dak li qal il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, li se jiżdied l-infurzar f’punti strateġiċi madwar il-pajjiż, biex ikun hemm iktar dixxiplina u fuq kollox rispett għar-regoli tat-traffiku biex jiġu evitati inċidenti li jwasslu għal konġestjoni bla bżonn. L-għan ewlieni ta’ dawn il-miżuri hu li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq ir-rutina tal-familji Maltin u Għawdxin, filwaqt li titjieb is-sigurtà fit-toroq u l-fluss tat-traffiku.

Il-fatt illi dan il-Gvern jagħti importanza assoluta għas-sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna hija xi ħaġa ta’ min ifaħħarha. Hekk ukoll jista jingħad għal Transport Malta li se tkun qed iżżid il-miżuri biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq għal żmien meta jbdew l-iskejjel. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport