Monday, December 23, 2024

Il-prodott domestiku gross żdied b’10% fl-aħħar kwart tal-2021

Aqra wkoll

Fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra, l-attività ekonomika f’Malta kompliet tirkupra mill-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 tant li t-tkabbir baqa’ wieħed b’saħħtu filwaqt li l-prodott domestiku gross żdied b’10% meta mqabbel mal-istess perijodu tas-sena ta’ qabel. Dan juri li l-irkupru ekonomiku qabad ritmu tajjeb tant li sal-aħħar tas-sena l-prodott domestiku gross irreġistra livelli ogħla minn dawk qabel il-pandemija.

Fit-tieni ħarġa tar-rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2022, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkonferma li t-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien ta’ 4.3% fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2021 li tirrifletti żieda ta’ tkabbir ta’ 3.8% fuq l-istess perijodu tas-sena ta’ qabel.

Dwar l-iżviluppi li kien hemm fis-suq tax-xogħol, l-analiżi tal-Bank Ċentrali tindika li dawn l-iżviluppi baqgħu pożittivi bl-impjiegi jibqgħu f’livell ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija filwaqt li r-rata tal-qgħad kompliet tinżel għal 3.2% minn 3.6% kif kienet fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra. Ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet ukoll ferm taħt ir-rata medja ta’ 7.4% fiż-Żona Ewro.

Fir-rigward tal-għoli tal-ħajja, il-Bank Ċentrali jsemmi li din irpiljat matul il-perijodu kopert. Mandankollu, ir-rata annwali fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet ta’ 2.6% f’Diċembru li għadda. L-oġġetti kollha, ħlief il-prezzijiet tal-enerġija, irreġistraw tkabbir aktar mgħaġġel għalkemm l-inflazzjoni fis-servizzi kienet ir-raġuni ewlenija għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

Fl-analiżi tiegħu l-Bank jagħti wkoll ħarsa lejn id-defiċit fil-finanzi tal-Gvern u jgħid li dan żdied u laħaq it-8.0% tal-prodott domestiku gross fl-2021. Dan iżda huwa kemxejn inqas mid-9.5% li kien rreġistrat fl-2020. Sadanittant, il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern tela’ għal 57.0% fl-aħħar tas-sena 2020.

Ekonomija

Sport