L-investiment f’infrastruttura moderna, it-tisħiħ fil-ħiliet tal-ħaddiema u s-sostenn lin-negozji żgħar u medji jibqgħu essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u r-reżiljenza tiegħu. F’dan l-aspett, ix-xogħol tal-ħaddiem huwa kruċjali. Għalhekk, hija loġika li l-ħaddiem ikollu kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi tajbin biex ikun aktar produttiv fuq il-post tax-xogħol tiegħu.
F’dan il-kuntest, hija responsabbiltà tan-negozjar kollettiv li jsir bejn trejdunjins u min iħaddem biex ikun assigurat li d-drittijiet tal-ħaddiema huma mħarsa bl-aħjar mod u dejjem. Minkejja li d-dinja tax-xogħol qiegħda tinbidel b’passi mgħaġġla sforz it-teknoloġija li dejjem qed timmodernizza, u xi kultant tkun f’kunflitt mad-drittijiet tal-ħaddiema, it-trejdunjins jibqgħu fl-obbligu li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jilqgħu għal dawn l-iżviluppi li jkunu qed isiru.
Pajjiżna jirrikonoxxi li l-produttività ma tistax tikber jekk il-ħaddiem ma jkunx kuntent fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Konxju ta’ dan, ftit tas-snin ilu, twaqqaf Bord Nazzjonali għall-Produttività bil-għan li jiġu ppreżentati rakkomandazzjonijiet lill-Gvern fir-rigward tal-produttività.
Fil-fatt, f’dawn l-aħħar jiem, il-Bord ipprezenta r-Rapport Nazzjonali tal-Produttività 2024, li jitfa’ dawl fuq kif il-produttività m’għandhiex tibqa’ titqies biss bħala produzzjoni ekonomika iżda bħala mezz biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, tixpruna l-innovazzjoni u tiżgura futur aktar reżiljenti u inklussiv għal pajjiżna.
Ninnutaw b’sodisfazzjon li dan ir-rapport se jimxi id f’id u jikkumplimenta l-Viżjoni ta’ Malta 2050 illi l-konsultazzjoni pubblika tagħha tnediet fil-jiem li għaddew u li tiffoka fuq pilastri ekonomiċi li se jwasslu lil pajjiżna għall-kwalità ta’ ħajja aħjar kemm għall-familji kif ukoll għall-ħaddiema.
L-istess rapport jiffoka wkoll fuq il-bżonn ta’ tranżizzjoni diġitali u ħadra u jiġbor fih l-ambizzjonijiet għall-futur ta’ pajjiżna. Minkejja li dan ir-rapport jitfa’ dawl pożittiv, b’danakollu jirrikonoxxi li hemm affarijiet xi jsir fosthom is-separazzjoni tal-iskart u t-tkabbir tal-kapaċita’ tal-enerġija rinnovabbli.
F’dan il-kuntest, f’Diċembru li għadda l-Gvern ħareġ sejħa għall-offerti biex ikun żviluppat l-ewwel proġett fuq il-baħar ta’ enerġija rinovabbli mir-riħ. 12-il mil nawtiku ‘l barra mix-xatt Malti fiż-Żona Ekonomika Esklussiva.
Dan il-proġett fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, se jkun wieħed innovattiv li se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fiċ-ċentru tal-Mediterran b’investiment ta’ enerġija rinovabbli.
Fl-isfond ta’ dan kollu, tibqa’ l-produttività kif jelenka dan ir-rapport, li huwa ċertifikat ieħor għall-ħidma tal-Gvern u fl-istess ħin turija ċara ta’ kemm il-Gvern qed jadotta politika fejn ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Dan se jsir billi l-Gvern se jkompli jkun ta’ sostenn kemm għal min iħaddem, in-negozji jibqgħu jinvestu fl-operat tagħhom u pajjiżna jkun f’pożizzjoni aħjar biex jibqa’ joffri l-aħjar kundizzjonijiet għall-ħaddiema u impjiegi aħjar.