L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika fix-xahar ta’ Lulju kienu mħallta. F’Ġunju iżda, il-produzzjoni industrijali żdiedet b’ritmu aktar mgħaġġel fuq sena qabel filwaqt li l-volum tal-kummerċ bl-imnut naqas f’termini annwali. Dan jirriżulta mill-aġġornament ekonomiku ppublikat f’Awwissu mill-Bank Ċntrali.
Fl-Indiċi tiegħu dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għax-xahar ta’ Lulju, il-Bank Ċntrali innota li it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas u baqa’ marġinalment taħt il-medja storika. Dan it-tnaqqis kien indikat fis-sentiment ekonomiku kif ukoll fl-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta.
Il-Bank Ċntrali semma kif l-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fl-industrija u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, iżda żdiedu fil-kumplament tas-setturi. L-akbar żieda ġiet irreġistrata fis-settur tal-kostruzzjoni.
Mill-banda l-oħra, matul ix-xahar ta’ Mejju, il-produzzjoni tas-servizzi aċċellerat fuq bażi ta’ sena fuq sena. Il-qgħad baqa’ baxx u naqas marġinalment meta mqabbel max-xahar ta’ qabel.
Dwar il-permessi residenzjali, f’Ġunju dawn kienu taħt il-livell reġistrat fl-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Fix-xahar ta’ wara, in-numru ta’ konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ naqsu wkoll meta mqabbla ma’ dawk ta’ sena qabel.
Fuq medda ta’ tnax-il xahar sa Ġunju, id-depożiti tal-Maltin fil-banek żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji u lill-kumpaniji mhux finanzjarji. I-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti Maltin baqa’ b’saħħtu wkoll. Dan jirrifletti żidiet aktar bil-mod fis-self lill-gvern u lil residenti oħra.
F’Lulju, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) żdiedet marġinalment għal 2.3%, minħabba żieda żgħira fl-HICP li jeskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, li kien fil-livell ta’ 2.1%. Iż-żewġ rati ta’ inflazzjoni madankollu baqgħu taħt il-medja taż-żona tal-euro.
F’Ġunju, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma’ sena qabel. Dan iżda kien kumpensat minn żieda fid-dħul tal-gvern ikkumplimentata minn tnaqqis fl-infiq tal-gvern.