Il-Professur Edward Scicluna se jerġa’ jibda jeżerċita l-funzjoni ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u membrutal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew wara talba formali li għamel lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew li bħala istituzzjoni indipendenti ma sab l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-Professur Scicluna.
Il-Prim Ministru Abela dalgħodu aġġorna lill-Kabinett tal-Ministri b’dawn l-iżviluppi. It-talba tal-Professur Edward Scicluna ġiet milqugħa favorevolment.
Il-Kabinett tal-Ministri jirringrazzja lid-Deputat Gvernatur Alexander Demarco li assuma l-irwol ta’ Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fix-xhur li għaddew.
Il-Kabinett tal-Ministri jawgura lill-Professur Edward Scicluna fit-tkomplija tat-twettiq tas-servizz tiegħu b’lealtà u impenn, kif dejjem għamel f’kull kariga li ġie fdat fiha favur l-interess tal-pajjiż.