Saturday, November 23, 2024

Il-Prof. Gauci tindika tħejjijiet dwar pakkett ieħor ta’ rilaxx ta’ miżuri

Aqra wkoll

“Bħalissa qegħdin inħejju l-pakkett biex naraw liema huma l-aħjar miżuri li tista’ tibda tirrilaxxa dejjem b’mezzi ta’ mitigazzjoni.” 

Dan qalitu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci, meta mitluba minna biex tikkummenta dwar l-effetti li kellhom l-aħħar rilaxx tal-miżuri.

Hija bdiet billi qalet li l-ewwel sett ta’ miżuri li ġew rilaxxati kienu meqjusa bħala li kienu ta’ riskju baxx imbagħad ftit tal-jiem ilu ġew rilaxxati aktar miżuri li kienu ta’ riskju medju. Hija żiedet tgħid li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ stabbli hemm tkun tista’ tmur għal miżuri li jista’ jkollhom aktar riskju iżda dejjem b’mezzi ta’ mitigazzjoni.  

Enfasizzat li: “s-sitwazzjoni qed turina li dawk il-miżuri li ġew rilaxxati, rajna li kien hemm xi ftit varjazzjoni fin-numru ta’ każijiet pero’ eventwalment issa qed naraw li f’dawn l-aħħar ġranet qed ikollna sitwazzjoni stabbli.” 

“Dan importanti li nkomplu nsegwuh ħalli kif in-nies jużaw iżjed dawn il-mezzi li issa nfetħu bħal ristoranti, ħwienet tax-xagħar u beauty therapists, flimkien mal-fatt li komplena nżidu s-servizzi tas-saħħa, dan naraw l-impatt kollu tiegħu,” qalet Prof. Gauci filwaqt li tenniet illi ladarba jkollna sitwazzjoni li tibqa’ stabbli, b’hekk tkun tista’ tara li tibqa’ miexi bil-pjan ta’ tranżizzjoni.

Sadanittant, fl-aħħar bulettin mediku dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħabbret li anzjan ta’ 97 sena miet waqt li kien infettat bil-virus. 

L-anzjan kien qiegħed jingħata kura fl-Isptar Karin Grech. Huwa kellu sintomi relatati mal-Covid-19 fis-16 ta’ Mejju u ġie kkonfermat pożittiv fis-17 ta’ Mejju. Ir-raġel miet fl-Isptar Karin Grech, matul il-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.

B’din l-aħħar mewt, jirriżulta li t-total ta’ mwiet f’pajjiżna kawża tal-Covid-19 issa huwa ta’ sebgħa. Mill-banda l-oħra, jirriżulta wkoll li fiequ sitt persuni oħra waqt li feġġ każ wieħed ġdid minn total ta’ 1,247 test li saru matul il-jum tat-Tlieta. It-total ta’ persuni mfejqa issa tela’ għal 491 mentri l-każijiet attivi jammontaw għal 114.

Sport