Il-Professuri Edward John Despott u Stanley Fiorini nħatru uffiċjal fl-Ordni Nazzjonal tal-Mertu għall-ħidma li wettqu fil-qasam tagħhom.
Il-Professur Despott huwa rikonoxxut internazzjonalment bħala espert ewlieni fl-endoskopija interventiva.
Fost id-diversi kisbiet tiegħu żviluppa t-teknika ta’ saline-immersion (SITE) għall-Endoscopic Submucosal Dissection (ESD), li issa qed tiġi utilizzata madwar id-dinja għat-tneħħija endoskopika, minimament invażiva ta’ tumuri premalinni tas-sistema diġestiva.
Għal dan, fl-2023 irċieva unur prestiġjuż mill-inventuri tal-ESD infushom, is-Soċjetà Ġappuniża tal-Endoskopija Gastroenteroloġika (JGES).
Il-Professur Despott ilu jmexxi r-Royal Free Unit for Endoscopy tar-Royal Free Hospital, wieħed mill-akbar sptarijiet ta’ tagħlim fiċ-ċentru ta’ Londra, għal dawn l-aħħar ħdax-il sena.
Huwa wkoll Professur Assoċjat fl-University College London u huwa l-ewwel Senior Associate Editor internazzjonali ta’ VideoGIE (il-ġurnal edukattiv ewlieni tas-Soċjetà Amerikana għall-Endoskopija Gastrointestinali – ASGE).
Mill-ħatra tiegħu, huwa stabbilixxa wieħed mill-aktar ċentri attivi ta’ referenza u ta’ taħriġ għall-enteroskopija double-balloon madwar id-dinja.
Dan huwa wieħed mill-ftit ċentri ta’ referenza u ta’ taħriġ kwaternarju għall-ESD fir-Renju Unit, fejn fit-tnejn li huma jittratta pazjenti riferuti minn Malta.
Il-Professur Despott jiġi mistieden regolarment biex juri proċeduri avvanzati u jagħti lekċers f’konferenzi internazzjonali ta’ reputazzjoni għolja.
Huwa l-fundatur u ko-direttur tal-International Advanced Endoscopy Masterclass (AEM) ta’ Londra, jifforma parti mill-kumitat tal-linji gwida tas-Soċjetà Ewropea għall-Endoskopija Gastrointestinali (ESGE) u huwa ko-awtur tal-linji gwida, struzzonijiet tekniċi, miżuri ta’ prestazzjoni u kurrikulu għall-endoskopija tal-musrana ż-żgħira tal-istess Soċjetà.
Huwa wkoll il-President tal-Kumitat tal-Istandards talPrattika tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Endoskopija (WEO) u Fellow elett tal-ASGE u Fellow elett inawgurali tal-ESGE.
Il-Professur Despott għandu interess qawwi fir-riċerka u jissorvelja diversiapprentisti internazzjonali.
Huwa jippubblika b’mod wiesa’ u huwa l-awtur ta’ aktar minn 75 pubblikazzjoni riveduti f’ġurnali awtorevoli.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Fiorini twieled f’Ħal Balzan fl-1941 u huwa Professur Emeritu tal-Matematika u Senior Fellow tal-Università ta’ Malta.
L-interess tiegħu fl-istorja ta’ Malta, speċjalment fil-perjodu medjevali, wasslu sabiex jagħmel riċerka dwar is-suġġett kemm f’arkivji lokali u kif ukoll f’arkivji barranin.
Ir-riċerka tiegħu ħaditu fil-Vatikan, fi Spanja u f’Palermo, fejn skopra materjal ewlieni għall-Malta li ma kienx faċilment aċċessibbli mod ieħor. Dan ġie ppubblikat fi 17-il volum tas-sensiela li nieda, Sorsi Dokumentarji tal-Istorja Maltija.
Dawn id-dokumenti, flimkien ma’ pubblikazzjonijiet simili, bħal karti u kotba, huma ta’ importanza kbira sabiex l-istorjografija Maltija tkun ibbażata fuq pedamenti sodi.
Huwa rċieva l-edukazzjoni terzjarja tiegħu fir-Renju Unit fejn kiseb Baċellerat fil-Filosofija minn Heythrop College, Masters fil-Matematika mill-Università ta’ Oxford u Dottorat mill-Open University.
Il-qasam tal-kompetenza tiegħu fil-matematika huwa l-Kombinatorika, suġġett li għallem f’Oxford u fl-Open University.
F’dan il-qasam ippubblika diversi dokumenti ta’ riċerka, ktieb u kkontribwixxa għallkitba ta’ materjal ta’ tagħlim tal-Open University.
Fl-1971 Fiorini beda jgħallem f’Malta u wara sar professur fid-Dipartiment tal-Matematika tal-Università ta’ Malta, fejn serva bħala Kap tad-Dipartiment għal 8 snin.