Il-proġett “Art for Active Ageing”, inizjattiva b’kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, ġie konkluż b’suċċess permezz ta’ wirja li tiċċelebra l-kreattività u l-ħiliet tal-anzjani li jgħixu fil-komunità. Il-proġett kellu l-għan li jtejjeb il-benesseri mentali u jsaħħaħ ir-rabta soċjali tal-anzjani, permezz ta’ attivitajiet artistiċi maħsuba apposta biex jinkoraġġixxu memorji antiki u jesprimu ruħhom waqt li qed jaħdmu ma’ anzjani oħrajn.
Il-programm kien jinkludi ħames sessjonijiet f’diversi Ċentri għall-Anzjanità Attiva fir-Reġjun tan-Nofsinhar, b’attivitajiet mfassla apposta biex jqanqlu r-reminixxenza u l-kreattività. Il-parteċipazzjoni kienet b’saħħitha, b’xi sessjonijiet li laħqu aktar minn 25 anzjan/a.
Dan il-proġett ingħalaq b’wirja ġewwa iċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, fejn ġew esebiti x-xogħlijiet magħmula mill-parteċipanti matul il-proġett. Din il-wirja mhux biss kienet mument ta’ ċelebrazzjoni, iżda wkoll xhieda ċara tal-potenzjal li għandu l-arti biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.
Waqt din il-wirja, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea qal, “L-arti għandha l-qawwa li tagħti vuċi lil dawk li ħafna drabi ma jinstemgħux. Dan il-proġett wera kemm l-anzjani għandhom ħiliet, esperjenzi u stejjer x’joffru. Il-kollaborazzjoni reġjonali bħal din hija eżempju ta’ kif nistgħu nkomplu nibnu komunitajiet inklussivi u vibranti.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qalet, “Il-proġett ‘Art for Active Ageing’ juri r-rwol importanti li l-kunsilli reġjonali jistgħu jkollhom fit-tisħiħ tal-benesseri tal-anzjani. Qed inkunu ta’ spalla għal dawn l-inizjattivi li jsaħħu l-ispirtu komunitarju u jżommu l-anzjani attivi u involuti fis-soċjetà.”
Dan il-proġett kompla jsaħħaħ l-impenn sabiex l-anzjanità f’Malta tkun waħda attiva, parteċipattiva u b’sens ta’ skop.