Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn is-settur agrikolu b’mod aktar trasparenti, innovattiv u sostenibbli permezz tal-proġett SMART Food, inizjattiva bejn Malta u l-Italja taħt il-programm Interreg.
Waqt konferenza organizzata mill-Malta Food Agency, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett biex tissaħħaħ il-fiduċja fil-katina tal-ikel u biex jitjiebu s-sistemi ta’ traċċabbiltà permezz tat-teknoloġija.
Il-proġett SMART Food għandu l-għan li jġib flimkien Maltin u Sqallin biex jiżviluppaw pjattaforma moderna li tuża l-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija tal-Blockchain sabiex tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar il-vjaġġ tal-prodotti tal-ikel, mill-produzzjoni sal-konsumatur finali.
Din l-inizjattiva qed twieġeb għal domanda dejjem tikber minn konsumaturi li jridu jkunu jafu aktar dwar l-oriġini, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel li jikkunsmaw. Fl-istess waqt, qed tappoġġja lill-bdiewa, lill-produtturi u lill-operaturi biex jadottaw prattiċi aktar effiċjenti u kompetittivi.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Anton Refalo, qal li, “Il-proġett SMART Food huwa pass importanti lejn sistema agroalimentari aktar trasparenti u affidabbli. Dan mhux biss dwar teknoloġija, iżda dwar kif nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u nappoġġjaw lill-operaturi tagħna biex ikunu aktar innovattivi u kompetittivi. Bħala pajjiż żgħir, Malta għandha l-flessibbiltà li tkun minn ta’ quddiem f’soluzzjonijiet ġodda li jtejbu s-settur tagħna.” Huwa żied jgħid li permezz tal-Malta Food Agency, Malta qed tieħu rwol ċentrali fil-ġestjoni, l-iżvilupp u t-taħriġ marbut ma’ dan il-proġett, biex jiġi żgurat li l-benefiċċji tiegħu jaslu għand l-operaturi kollha fis-settur.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, qal li, “Il-proġett SMART FOOD huwa importanti għax jappoġġja l-futur tal-ikel lokali f’Malta. Għall-Aġenzija, f’dan il-proġett, il-prijorità tibqa’ li nħarsu l-kwalità tal-prodotti lokali, insaħħu t-traċċabbiltà u nkattru l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti Maltin. Dan huwa investiment fil-valur tax-xogħol li diġà qegħdin jagħmlu l-produtturi tagħna.” Huwa kompla billi rringrazzja lill-produtturi tal-ikel għall-ħidma, id-dedikazzjoni u r-reżiljenza tagħhom u saħaq li l-isforz tagħhom huwa l-pedament tas-settur tal-ikel. Ikkonkluda billi qal li SMART FOOD għandu jgħinhom juru b’mod aktar ċar il-kwalità u l-valur tal-prodotti Maltin.
Il-konferenza serviet ukoll bħala pjattaforma biex jiġu ppreżentati studji preliminari u l-iżviluppi tekniċi tal-pjattaforma, filwaqt li tat spazju għal diskussjoni bejn l-istakeholders, inklużi rappreżentanti tal-gvern, industrija u akkademja.
Permezz tal-proġett SMART Food, il-Gvern qed juri kif il-kollaborazzjoni Ewropea u l-użu strateġiku tal-fondi jistgħu jwasslu għal bidliet konkreti li jsaħħu s-settur agroalimentari u jibnu fiduċja akbar bejn il-produtturi u l-konsumaturi.
Din l-inizjattiva tikkonferma l-viżjoni ta’ Gvern li qed jinvesti f’teknoloġiji moderni u f’kollaborazzjonijiet internazzjonali biex jiżgura futur aktar sigur, trasparenti u sostenibbli għall-ikel f’pajjiżna.

