Saturday, September 14, 2024

Il-proġett ta’ The Brewhouse u Trident Park jikseb premju internazzjonali ieħor

Aqra wkoll

Il- proġett ta’ The Brewhouse u Trident Park ingħataw l-International Architecture Award® għas-sena 2024 minn The Chicago Athenaeum: Museum of Architecture and Design u The European Centre for Architecture, Art, Design and Urban Studies. Il-proġett iddaħħal fil-Kategorija ‘Mixed Use’: https://www.internationalarchitectureawards.com/award-category.html?cat=10. 

Dawn il-Premjijiet Internazzjonali tal-Arkitettura, li issa daħlu fid-19-il sena tagħhom, huma l-eqdem u l-iżjed prestiġjużi globalment li jonoraw proġetti ta’ binjiet ġodda jew bini b’disinn li jispikka. 

Din l-inizjattiva annwali, organizzata miż-żewġ istituzzjonijiet, tippromwovi proġetti arkitettoniċi u ta’ disinn madwar id-dinja u hi appoġġjata mill-magazin diġitali l-ġdid Global Design News.

Din is-sena l-Mużew irċieva numru rekord ta’ proġetti ta’ binjiet ġodda, arkitettura fuq barra, u ppjanar urban mill-iżjed kumpaniji globali importanti. 

Kienet ġurija internazzjonali ta’ disinjaturi magħrufa li għażlu madwar 190 sottomissjoni minn lista ta’ aktar minn 850 proġett. 

Il-lista sħiħa tal-proġetti rebbieħa għall-2024 tista’ taraha fuq is-sit tal-Mużew www.chi-athenaeum.org jew fuq is-siti www.internationalarchitectureawards.com u www.europeanarch.eu.

Il-proġett se jkun inkluż f’wirja speċjali “The City and the World” fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Ispazju Kontemporanju ta’ Ateni mill-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2024. Iċ-ċerimonja gala uffiċjali tal-premjijiet issir is-Sibt, 21 ta’ Settembru 2024. 

Is-Sur Michael Farrugia, Direttur ta’ Simonds Farsons Cisk plc u ta’ Trident Estates plc, u Deputat Kap Eżekuttiv tan-negozju tax-xorb ta’ Farsons, qal li “Għalina dan hu unur kbir li niġu rikonoxxuti qalb tant proġetti ta’ żvilupp minn madwar id-dinja. Il-lista tal-premjijiet tagħna tielgħa ġmielha.” 

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ €86m tal-Birrerija Farsons issa kiseb iżjed minn 10 premjijiet nazzjonali u internazzjonali minn meta kien inawgurat f’Ġunju 2023. Dan il-proġett ittrasforma waħda mill-iżjed binjiet industrijali rikki tas-seklu 20 f’Malta f’kampus ta’ uffiċċji bi spazji ħodor u f’destinazzjoni ta’ negozju dinji. Il-proġett tmexxa mill-perit magħruf Ian Ritchie ta’ ritchie*studio f’Londra b’kollaborazzjoni ma’ TBA Periti tal-Prof. Alex Torpiano f’Malta, u il-fiżiċist ambjentali Doug King.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport