Sunday, December 22, 2024

Il-proġett ta’ The Brewhouse u Trident Park jirbaħ l-unur Judge Maurice Caruana Curran fil-kompetizzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ The Brewhouse u Trident Park ingħata l-unur ġenerali Judge Maurice Caruana Curran Award fis-XVII-il edizzjoni tal-kompetizzjoni ta’ Din l-Art Ħelwa, li tonora l-Wirt Arkitettoniku u li saret il-ġimgħa li għaddiet. Il-proġett kiseb ukoll il-Prix d’Honneur fil-kategorija Regeneration of an Area.

Il-Judge Maurice Caruana Curran Award hu msemmi għall-Imħallef u Fundatur ta’ Din l-Art Ħelwa u jingħata lir-rebbieħ ġenerali tal-kategoriji kollha. Il-proġett ġie aġġudikat għall-kwalità tax-xogħol li sar fih, għar-relevanza storika, kulturali, edukattiva u soċjali, għar-riċerka preliminari li inkluda, u għall-valur estetiku u l-mertu viżiv tiegħu. Il-proġett jista’ jitqies fuq skala minn żgħira sa kbira u juri standard ta’ xogħol għoli ferm fil-kuntest lokali.

“Aħna onorati tabilħaqq u kuntenti b’dan il-premju minn Din l-Art Ħelwa,” qal is-Sur Michael Farrugia, Direttur ta’ Simonds Farsons Cisk plc u ta’ Trident Estates plc, u Deputat Kap Eżekuttiv tan-negozju tax-xorb ta’ Farsons.

“Għalina f’Farsons, is-sit tal-birrerija minn dejjem kienet tfisser aktar minn binja, hija simbolu ta’ passjoni kbira għall-birra u għall-marki ikoniċi tagħna, tal-istorja rikka u tal-wirt industrijali tagħna, tal-forza tax-xogħol impenjata li għandna, u tal-komunità li naqdu b’sodisfazzjon kbir.”  

Dan l-unur prestiġjuż ingħata wara l-aħbar li l-istess proġett ġie dikjarat mal-Finalisti Reġjonali tas-Civic Trust Awards 2024 tar-Renju Unit. Kien ippreżentat lis-Sur Michael Farrugia, Direttur ta’ Simonds Farsons Cisk plc u Trident Estates plc, u Deputat Kap tan-negozju tax-xorb ta’ Farsons, mis-Sa Simone Mizzi, it-tifla tal-mibki Fundatur u President ta’ Din l-Art Ħelwa, l-Imħallef Maurice Caruana Curran, li għalih hu msemmi l-istess premju.

Din il-Kompetizzjoni ta’ Unuri għall-Wirt Arkitettoniku tnediet mill-għaqda volontarja Din l-Art Ħelwa biex tħeġġeġ prattika arkitettonika xierqa u ssir kull sena bl-appoġġ tal-Kamra tal-Periti.

Fiha tliet kategoriji: ir-riġenerazzjoni ta’ żona; l-adattament ta’ binjiet storiċi għal użi ġodda; u r-restawr u/jew il-konservazzjoni tal-binjiet. Il-proġetti jistgħu jkunu marbutin ma’ binja waħda, ma’ kumpless ta’ bini, jew ma’ ambjent storiku/dehra urbana.

Ekonomija

Sport