Infrastructure Malta (IM) qiegħda fl-aħħar stadji tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Wied il-Għajn u Triq Ħaż-Żabbar li flimkien jgħaqqdu l-lokalitajiet ta’ Marsaskala u ta’ Ħaż-Żabbar. Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ IM Ivan Falzon, waqt żjara li għamlu fuq is-sit.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €3.6 miljun u jikkonsisti fil-bini mill-ġdid tal-karreġġjati taż-żewġ toroq, fejn ġew iddisinjati mill-ġdid għal iktar sigurtà fit-triq. Il-proġett se jinkludi wkoll korsiji ġodda għall-mixi u għar-roti fejn qed tissaħħaħ is-sigurtà, u bus stops iddisinjati biex ikunu aktar siguri.
Il-korsija l-ġdida għall-mixi u għar-roti hija twila kilometru tul iż-żewġ toroq, li tinkoraġġixxi l-użu ta’ modi alternattivi ta’ trasport, b’konnessjoni aktar sigura u effiċjenti bejn iż-żewġ lokalitajiet.
Il-proġett jinkludi xogħol fuq 1.4 kilometri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, installazzjoni ta’ 400 metru ta’ servizzi tal-ilma u servizzi tad-drenaġġ, 1.4 kilometri ta’ bankini ġodda u kilometru ta’ dwal tat-triq ġodda. Permezz ta’ dan, ġew eliminati għal kollox il-cables li kien hemm bejn arblu u ieħor tul it-triq. IM għamlet ukoll spralli ġodda għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u fejn meħtieġ saru tiswijiet u reġgħu nbnew mill-ġdid il-ħitan mal-ġnub tat-triq.
Il-Ministru Aaron Farrugia fisser li dawn it-tip ta’ proġetti jmorru lil hinn mill-ħidma li l-aġenzija qed twettaq b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, hekk kif dawk jiffukaw fuq toroq residenzjali. Huwa tenna l-importanza li toroq bħal dawn jingħataw l-importanza meħtieġa hekk kif jaraw volumi estensivi ta’ vetturi li jagħmlu użu minnhom.
“Impenjati li nkomplu ninvestu biex il-pajjiż ikollu infrastruttura li tiflaħ għall-isfidi moderni tal-pajjiż u li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru ta’ dawn il-proġetti. Din it-triq partikolari hija turija ċara ta’ kif bi pjanar nistgħu noħolqu infrastruttura li taħseb f’kulħadd, kemm f’dawk li jsuqu l-karozza kif ukoll f’dawk li jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport bħall-mixi u r-rota,” ikkonkluda l-Ministru Farrugia.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll membri mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u ta’ Ħaż-Żabbar.