“Il-proġett tal-fabbrika tal-Ħalib fil-Ħamrun għandu jsir maljar kemm jista’ jkun.” Hekk stqarr ma’ dan il-ġurnal Nigel Vella, Ħamruniż li qiegħed jaħdem bis-sħiħ biex il-komunità li jgħix fiha hu jkollha spazju miftuħ fejn jitgawda mill-pubbliku.
Vella jgħidilna li hu konxju mill-fatt li l-Gvern u l-awtoritajiet konċernati ilhom għaddejjin bid-diskussjonijiet l-ispazju li fih hemm il-fabbrika tal-ħalib tingħata lill-komunità Ħamruniża u anke li minnha jgawdu wkoll ir-residenti tal-Marsa.
“Naf li għaddejjin diskussjonijiet, però nemmen li issa trid issir ftit aktar pressjoni biex dan il-proġett jitwettaq. Din mhix xi ħaġa li hija fil-kontroll assolut tal-Gvern minħabba li hemm terzi involuti fil-fabbrika tal-ħalib,” jistqarr magħna Vella.
Jgħidilna li dan il-proġett minbarra li jista’ jintuża biex il-Ħamruniżi jkollhom fejn jimxu u anke jieħdu lit-tfal tagħhom għar-rikreazzjoni, jista’ jintuża wkoll għal skop ta’ sport hekk kif din il-fabbrika fiha potenzjal kbir.



