Thursday, March 20, 2025

Il-Programm Creative Europe Jkompli Jirreġistra Suċċess f’Malta 

Aqra wkoll

Il-programm Creative Europe, li jipprovdi fondi biex jassisti artisti u entitajiet kulturali, qed jikseb dejjem aktar suċċess f’pajjiżna. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir- riżultati ta’ wħud mis-sejħiet. 

Fis-sejħa tal-European Cooperation Projects, fejn entitajiet jew artisti lokali jingħaqdu ma’ artisti Ewropej oħra biex joħolqu proġetti konġunti, kien hemm numru kbir ta’ applikazzjonijiet, u minnhom; ‘il fuq minn 20 ġew magħżula biex iwettqu l-proġetti tagħhom. 

Sejħa oħra li qed tirreġistra suċċess fost l-artisti Maltin hija l-Culture Moves Europe. Din tipprovdi opportunità lill-artisti emerġenti biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi Ewropej oħra u jkollhom skambju ta’ esperjenzi fil-qasam artistiku li jagħżlu, bħaż-żfin, il-kant, il-letteratura, id-disinn tal-moda, u oqsma artistiċi oħra. 

Fost l-entatijiet li bbenefikaw minn dawn il-fondi nsibu lil Inizjamed, Voca Choir, il-Migrant Women Association Malta u l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta. 

Il-programm, li se jibqa’ għaddej sas-sena 2027 b’fondi allokati ta’ 2.44 biljun ewro, qed jikseb dejjem aktar popolarità u interess fost l-artisti u l-entitajiet Maltin. Kull min għandu idea oriġinali, innovattiva u li tirrifletti l-aspett kulturali, jista’ faċilment japplika għal dawn il-fondi. Dan japplika kemm għal għaqdiet non-governattivi, entitajiet, Kunsilli Lokali, skejjel, organizzazzjonijiet privati, persuni self-employed u ħafna oħrajn. 

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-sejħiet u l-Programm Creative Europe, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook Creative Europe Desk Malta, is-sit www.creativeeurope.mt, jew iċempel fuq 20908990/1

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport