Monday, May 13, 2024

Il-Programm Nazzjonali tal-Iscreening tas-Sider ikompli joħroġ l-inviti għal testjar bla ħlas

... Il-prevenzjoni hija l-aħjar arma

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wasalna biex nagħlqu x-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-marda tal-kanċer fis-sider. Fl-attivitajiet ta’ Pink October isir aċċenn partikolari għall-prevenzjoni ta’ din il-marda li taħsad il-ħajja ta’ għadd ta’ nisa, mentri oħrajn, grazzi wkoll għall-prevenzjoni u/jew kura bikrija, jerbħu din il-ġlieda qalila.

Il-prevenzjoni hija l-aħjar arma kontra kull marda, inkluża dik tal-kanċer fis-sider u żewġ modi effettivi ta’ prevenzjoni f’dan il-każ huma l-ittesjtjar personali tas-sider kif ukoll l-iscreening tiegħu. Dan l-aħħar servizz lokalment huwa pprovdut bla ħlas għal nisa ta’ ta’ ċertu età. 

Il-Ministeru tas-Saħħa nfurmana li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Programm Nazzjonali tal-Iscreening tas-Sider ipprovda invit għal screening tas-sider bla ħlas kull sentejn u nofs lil nisa ta’ bejn il-50 u d-69 sena f’ total ta’ 370. Tul dan il-perjodu l-akbar ammont, dak ta’ 123 invit, inħareġ għal nisa fl-etajiet ta’ bejn il-65 u s-70 sena mentri l-inqas li ntbagħtu inviti kienu lil nisa ta’ bejn il-50 u l-54 sena b’total ta’ 67 waħda.

Aktar fid-dettall irriżulta li fl-2019 minn dawn l-inviti nħarġu total ta’ 59 wieħed. Mentri, fl-2020 intbagħtu 47; fl-2021 l-invit għall-iscreening tas-sider bla ħlas intbagħat lil 105 nisa; 95 inviti oħra s-sena l-oħra u f’din is-sena kien hemm diġà 64 mara li ntbagħtilha dan l-invit.

Minn hawn inħeġġu lil kull mara li tirċievi dan l-istedina biex tmur għall-appuntament tagħha. Sadanittant, huwa rrakkomandat mill-professjonisti tas-saħħa li kulħadd jiċċekkja sidru regolarment u fejn ikun hemm dubju jew suspett wieħed għandu jirrikorri għand tabib ta’ fiduċja tiegħu.

Sport