Saturday, May 18, 2024

“Il-progress ekonomiku ġab mobilità soċjali u l-isfida li kulħadd jaffordja karozza”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

In-numri ekonomiċi ta’ pajjiżna jagħtu stampa ta’ pajjiż li qed tiżdiedlu s-saħħa tal-flus u konsegwentament l-affordabilità tal-karozza privata fejn minn xi ħaġa ta’ lussu li familja jkollha t-tieni u t-tielet karozza, issa saret in-norma.

Sostna dan id-deputat Laburista Omar Farrugia waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi għall-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Farrugia qal li għalkemm nisimgħu ħafna fuq din il-problema tat-traffiku minħabba li tolqot lill-poplu kollu, joħroġ vacuum ta’ analiżi dwar din it-tema diskussa.

Farrugia żied jgħid li hu jemmen li s-sors ta’ sfida ġej minn punt li ħafna mhux jitkellmu fuqu u li dan huwa politika ekonomika ta’ gvern li f’dawn l-aħħar 10 snin nieda direzzjoni lejn making work pay fejn dawk bl-inqas dħul fil-pajjiż ngħataw diversi għajnuniet biex itejbu d-dħul tagħhom.

Farrugia kompla biex jikkwota statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn qal li jekk tgħaqqad il-vetturi ġodda u second hand reġsitrati fl-2012 kien hawn kważi 25,000 vettura reġistrata mentri fl-2019 kien hawn iktar minn 41,000 vettura reġistrata, b’żieda medja ta’ 16,000 vettura fis-sena. 

Farrugia argumenta li din iż-żieda sostanzjali mhix ġejja minn persuni li qed jiġu f’pajjiżna minn pajjiżi terzi, iżda mill-fatt li l-mobbiltà soċjali għall-familji bi dħul baxx sabu l-affordabbiltà tal-ewwel jew anke t-tieni karozza tagħhom.

Rigward iż-żieda ta’ vetturi kummerċjali turi wkoll li n-negozji qed jifhmu l-proċess tal-progress ekomomiku u li żieda fix-xogħol qiegħda twassal biex sidien ta’ negozji jinvestu f’iżjed vetturi biex iqassmu x-xogħol tagħhom.

Filwaqt li tkellem dwar numru ta’ proġetti infrastrutturali li gvern Nazzjonalista dejjem ħalla fuq il-karti, Farrugia fakkar dwar il-miżura mwettqa tat-trasport pubbliku b’xejn għall-kulħadd li mingħajrha żgur kien ikollna sitwazzjoni ta’ pajjiż imwaqqaf b’mod totali.

F’diskors ta’ kuxjenza, id-deputat Laburista stqarr li jeħtieġ li biex nibdew nindirizzaw il-problema tat-traffiku, l-ewwel u qabel kollox b’idejna fuq sidirna nammettu li l-maġġoranza assoluta tan-nies huma parti minn din il-problema. Huwa sostna li l-karozza komda u hu l-ewwel wieħed, parti mill-problema, għax biex tlaħħaq ma’ ħafna affarijiet fl-istess ġurnata hija kumdità li tużaha. Huwa kompla biex jistaqsi numru ta’ domandi fosthom kemm dak li jkun lest li joħroġ filgħodu mid-dar mingħajr iċ-ċavetta tal-karozza f’idu u minflok juża mezz ta’ trasport alternattiv.

Sport