Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza tal-amministrazzjoni professjonali tal-proprjetà li tipproteġi l-investiment tal-familji u tiżgura ambjent residenzjali aħjar.Dan waqt attività li fakkret is-60 anniversarju mit-twaqqif ta’ Victor Estate. Negozju tal-familja Malti li jaħdem fil-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-proprjetà. Permezz ta’ servizzi ta’ manutenzjoni, sigurtà u rispons, jgħin biex il-binjiet jinżammu aħjar u r-residenti jkunu moqdija aħjar.
Il-Prim Ministru feraħ lill-familja Bajada, lit-tmexxija u lill-ħaddiema tal-kumpanija għas-sittin sena ta’ ħidma, li matulhom in-negozju baqa’ jevolvi minn ġenerazzjoni għal oħra u jadatta għall-ħtiġijiet ta’ settur li nbidel sostanzjalment.
Dr Abela spjega li l-progress fis-settur tal-proprjetà jrid jitkejjel ukoll mill-manutenzjoni tal-binjiet, mill-kwalità tal-amministrazzjoni u minn kemm ir-residenti jħossuhom siguri u moqdija fl-ambjent fejn jgħixu.
“Fl-aħħar mill-aħħar, proprjetà mhijiex biss investiment finanzjarju. Għal ħafna familji Maltin u Għawdxin, hija l-akbar investiment li jagħmlu f’ħajjithom. Għalhekk, għandna responsabbiltà kollettiva li niżguraw li dak l-investiment jibqa’ protett u li l-kwalità tal-ħajja tagħhom tibqa’ fil-qalba tad-deċiżjonijiet li nieħdu,” sostna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern fl-aħħar snin impenja ruħu biex isaħħaħ l-istandards fis-settur tal-proprjetà u l-kostruzzjoni, fosthom bit-twaqqif tal-BCA u t-tisħiħ tal-OHSA permezz ta’ liġi ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Ħidma li qed tkompli bir-riforma tal-appelli tal-ippjanar, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament, biex id-dritt tal-appell ikun wieħed effettiv u tissaħħaħ il-protezzjoni tar-residenti.
Dr Abela laqa’ l-investiment minn ta’ Victor Estate fit-teknoloġija, fit-taħriġ professjonali u f’servizzi ta’ sigurtà u rispons. Spjega kif dawn jistgħu jtejbu l-komunikazzjoni mar-residenti, isaħħu t-trasparenza dwar l-ispejjeż u l-manutenzjoni u jwasslu biex il-problemi jiġu indirizzati aktar malajr.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn l-opportunitajiet ekonomiċi li joħolqu x-short lets u r-rispett lejn ir-residenti. “Irridu settur turistiku b’saħħtu, iżda fl-istess ħin irridu nirrispettaw il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu f’dawn il-komunitajiet. Il-fatt li xi ħadd ikun qed jagħmel użu minn proprjetà għal skopijiet turistiċi ma jistax ifisser li l-ġirien għandhom iġorru l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ amministrazzjoni jew ta’ responsabbiltà,” saħaq Dr Abela.
Il-Prim Ministru temm billi ħeġġeġ lill-kumpanija tkompli tinvesti, issaħħaħ il-professjonalità u tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tas-servizzi tagħha.
