Wednesday, July 23, 2025

‘Il-promozzjoni li ksibna l-istaġun li għadda mlietni b’kuraġġ sabiex inkompli ninvesti aktar f’dan ix-xogħol’ – Philip Cauchi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Meta kont għadni żgħir konna nilagħbu l-futbol fit-toroq.  Kien meta kelli 12-il sena li bdejt niffrekwenta futboġ organizzat.  Apparti l-immaginazzjonijiet u l-ħolm tat-tfulija li kelli, logħba li kienet għamlitni nhobb dan l-isport ukoll kienet is-Subbuteo.  F’moħħi kont nilgħab ir-rwol li nipprepara t-tim tiegħi għal-logħbiet li kont nilgħab kontra tfal oħra.  Tista’ tgħid li l-imħabba għall-kowċing u t-taħriġ bdiet hawn billi niddisinja eżerċizzi u programmi tat-taħriġ.  Ma jistax jonqos ukoll il-cartoons Holly e Benji, li tista’ tgħid ħafna tal-etá tagħna kienu jsegwu. 

Iddeskrivi l-esperjenzi preżenti tiegħek bħala assistant coach ta’ Vittoriosa Stars FC, fejn taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Jason Camenzuli.

Din se tkun ir-raba’ sena li se naħdem mal-kowċ Jason Camenzuli fis-settur tal-kbar.  Fil-passat kelli wkoll esperjenza naħdem miegħu fuq livell ta’ nursery.  Nista’ ngħid li għandna relazzjoni tajba ħafna fejn dejjem nitgħallmu mingħand xulxin.  Il-Kowċ Jason huwa kowċ tal-affari tiegħu u verament jaf imur ħafna mal-plejers, mal-kumitat, u anke magħna l-membri tat-tim tekniku.  Naqblu ħafna meta naħdmu flimkien, fejn għandna ideat komuni kemm bħala metodoloġija tat-taħriġ kif ukoll bħala stil ta’ logħob.  Jien iffukat l-aktar fuq l-aspett fiżiku, filwaqt li l-kowċ Jason huwa responsabbli aktar fuq it-tattika. Dejjem niddiskutu flimkien sabiex naraw liema huma l-aħjar mezzi kif dak li jkun hemm bżonn jiġi applikat fit-taħriġ.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda, fejn ksibtu l-promozzjoni għaċ-Challenge League min-National Amateur League 1?

L-aktar pedina importanti li kellna fit-tim is-sena l-oħra kienet l-għaqda.  Kull fejn kien kowċ Jason l-ewwel pass fundamentali kien li jgħaqqad it-tim.  Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-membri tal-kumitat, li ħadmu verament b’mod professjonali, fejn raw il-bżonn li jingaġġaw plejers li jkollhom livell tajjeb, peró jkunu wkoll plejers li jilagħbu mill-qalb għat-tim. 

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Fil-fehma tiegħi il-livell tal-futbol Malti avvanza xi ftit speċjalment f’ċerti wirjiet li ta t-tim nazzjonali. Imma, baqa’ ħafna aktar xogħol xi jsir sabiex inkunu nistgħu nimxu aktar ‘il quddiem.  Hawn żgħażagħ b’talent naturali li għandhom il-kapaċitá li jirnexxu sew f’dan l-isport.  Nisperaw f’Alla li jingħataw l-opportunitajiet sabiex juru l-ħiliet tagħhom u jingħataw gwida professjonali ta’ kif għandhom iġibu ruħhom sabiex jagħmlu passi pożittivi fil-karriera tagħhom.      

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ovvjament dan huwa suġġett delikat u importantissimu.  L-art tilgħab rwol importanti ħafna kemm biex ikollok taħriġ u logħob ta’ livell, kif ukoll sabiex innaqqsu r-riskju ta’ plajers li jistgħu isofru minn xi injury.  L-art tal-grawnd ta’ fejn nittrenjaw aħna, li hija tal-Kullegg De La Salle, din is-sena ġiet rinnovata. Il-faċilitajiet f’dan l-istabbiliment huma ta’ livell għoli fejn issib ukoll grawnd ieħor ta’ daqs ta’ 7-a-side fejn l-art tiegħu hija sintetika u f’kundizzjoni tajba għat-taħriġ.  Insibu ukoll gym għad-dispożizzjoni tal-plejers tagħna.   Din is-sena, il-logħob kompetittiv tagħna se jkun fis-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium.  L-art ta’ dawn iż-żewġ grawnds hija prattikament ġdida u se tkun tajba għal-logħob tal-kampjonat li jmiss taċ-Challenge League.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-promozzjoni li ksibna l-istaġun li għadda mlietni b’kuraġġ sabiex inkompli ninvesti aktar f’dan ix-xogħol.  Hija l-mira tagħna bħala klabb li fil-futur qrib ikollna promozzjoni oħra għall-ahjar livell li joffri l-futbol Malti.   Mil-lat personali għalissa nixtieq inkompli naħdem u nibni fuq il-ħiliet tiegħi fis-settur tal-fitness and performance fil-futbol.  Għamilt kważi 20 sena naħdem fis-settur taż-żgħażagħ u hija prattikament esperjenza tista’ tgħid ġdida għalija fis-settur tal-kbar.  

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Importanti li dak li jkun jieħu gost bix-xogħol u l-progress li jkun qed jagħmel.  Li tagħmel ix-xogħol għal qalbek huwa ingredjent importanti sabiex tkabbar il-kurjożitá u l-għatx biex tkompli titgħallem.  Fil-ħajja titgħallem kuljum u dejjem hemm spazju għall-avvanz.   Dan l-avvanz jiġi biss b’dedikazzjoni u b’attitudni pożittiva.  Dejjem irridu nżommu f’moħħna li t-triq fiha ħafna ostakli, u permezz ta’ dawn l-ostakli aħna dejjem intejbu l-livell tagħna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport