Friday, November 22, 2024

Il-proposta tal-MEA għal tnaqqis fil-pagi; Rabja fost il-ħaddiema tal-Gvern

Aqra wkoll

Minn CLAUDIO COLEIRO

Teżisti rabja kbira fost ħaddiema tal-Gvern għall-proposta tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) biex, minkejja l-problemi li għaddejjin minnhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli b’riżultat tal-pandemija tal-Covid-19, jitnaqqsu s-salarji tagħhom. 

Fi stqarrija tagħha, l-MEA, waqt li pproponiet li għandu jingħata bonus lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, qalet li għandhom jitnaqqsu s-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern li fi kliemha m’hemmx xogħol għalihom.

B’reazzjoni, il-General Workers’ Union (GWU) qalet li ma taqbilx mal-proposta tal-MEA li jkun hemm tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern. Qalet li ħaddiema kemm tas-servizz pubbliku kif ukoll ta’ settur pubbliku qed jaħdmu bis-sħiħ f’ħafna oqsma u tassew qed jagħmlu s-sagrifiċċji tagħhom.

L-ORIZZONT ħa l-kummenti ta’ tliet Segretarji ta’ Taqsimiet tal-GWU – Theo Vella, Kendrick Bondin u Riccarda Darmanin – li taħthom jaqgħu ħaddiema tal-Gvern membri tal-union, dwar x’jaħsbu fuq din il-proposta.

YouTube video

“M’għandux ikun hemm kastig fuq il-ħaddiema” 

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin beda biex qal li l-GWU taqbel mal-proposta li għandu jkun hemm aktar ħlas għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li tassew qed jagħmlu ħidma importanti f’dawn iż-żminijiet.

Huwa żied jgħid li: “l-GWU tassew temmen li l-ħaddiema tas-saħħa għandhom jiġu kkumpensati ta’ dak kollu li qed jagħmlu bħalissa iżda m’għandux ikun ta’ kastig għal ħaddiema oħra.” 

Huwa nnota kif ħaddiema tas-sigurtà, pulizija, suldati, uffiċjali korrettivi u uffiċjali tad-Dwana qed jagħmlu sagriffiċji kbar, fejn saħansitra qegħdin ikunu ‘l bogħod mill-għeżież tagħhom waqt li hemm oħrajn li qed jikkumpensaw għal affarijiet oħra biex jgħinu s-sitwazzjoni nazzjonali.

“Ħaddiema tax-xogħlijiet pubbliċi huma wkoll offrew xi ġranet tal-leave biex jgħinu, ħaddiema tal-AWAS li kontinwament qed jgħinu lir-residenti fiċ-ċentri miftuħa, għandek ukoll il-ħaddiema tal-manutenzjoni, oħrajn li jaħdmu fl-Awtorità tal-Artijiet li dawn jaħdmu bit-telework u anke żdidilhom il-ħinijiet, f’Identità Malta għandek sezzjonijiet fejn ħaddiema li jekk jinsabu daqsxejn kwieti qed jgħinu f’sezzjonijiet oħra,” spjega Bondin li tenna kif ħafna dipartimenti fis-servizz pubbliku u anke aġenziji u awtoritajiet fis-settur pubbliku ma waqfux b’ħidmiethom. 

“Jidher li l-MEA ċċarat aktar il-pożizzjoni tagħha fejn qalet li kienet tirreferi għal tnaqqis minn pagi u salarji ta’ ħaddiema li jista’ jkun qegħdin idle, jew weqfin u m’għandhomx x’jagħmlu. Min-naħa tiegħi fejn il-GWU nirrappreżentaw ma naf imkien illi l-ħaddiema tagħhna qegħdi idle, xorta qed jagħmlu xogħol, l-iskedi tagħhom inbidlu, offrew anke l-ħinijiet tax-xogol tagħhom biex jikkumpensaw għas-sitwazzjoni,” qal is-Segretarju Bondin.

“Qed ikun hemm koperazzjoni kbira bejn kemm l-employers fis-servizz u fis-settur pubbliku u kif ukoll il-ħaddiema tagħhom. Għaldaqstant le ma nemminx li għandu jkollhom tnaqqis. M’għandux ikun hemm kastig fuq il-ħaddiema li tassew qed ikomplu jwettqu dmrijiethom.”

YouTube video

“Għandna nkunu kburin li dawn il-ħaddiema qed jgħinu biex negħlbu din il-pandemija”

Is-Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU Theo Vella sostna li r-reazzjoni tagħhom għall-istqarrija li ħarġet l-MEA fejn qed tissuġġerixxi biex il-ħaddiema tal-Gvern inaqqsu mid-dħul tagħhom hi waħda ta’ rabja. 

“F’dan il-mument fejn il-ħaddiema tas-servizz pubbliku, tas-settur pubbliku l-iktar li qamu għall-okkażjoni lil dawk irridu naqtgħu d-dħul finanzarju tagħhom?”

“Lill-Pulizija? Li qegħdin kontinwament iżommu l-bon ordni u kulħadd jimxi mal-liġijiet. Lill-Armata? Li kontinwament qed tagħmel dan ix-xogħol b’sigħat addizzjonali. X’qed jissuġġerixxu li għamilna ftehim ftit tal-ġimgħat ilu mal-Gvern biex jieħdu ħlas addizzjonali għas-sigħat żejda li jagħmlu u ma jonorahiex il-Gvern?”

“Lill-uffiċjali tad-detenzjoni? Li mhux qed ilaħħqu max-xogħol li għandhom. Lill-uffiċjali tal-ħabs, li qed jagħmlu ġimgħa ġewwa u oħra barra ‘l bogħod mill-familja. X’nagħmlu ma ntuhomx overtime? Lill-uffiċjali tal-komunità? Li marru lil hinn mid-doveri tagħhom u qed iqassmu xirjiet, mediċini lil persuni vulnerabbli.” 

Vella tenna li hemm rabja kbira fost il-ħaddiema għax il-ħaddiema taċ-ċivil l-iktar li qamu għall-okkażjoni f’dan il-mument. “L-MEA taf li l-GWU qed tikkopera ma’ min iħaddem u qed tagħmel ftehimiet temporanji għax nifhmu li għaddejjin minn żminijiet diffiċli u nissimpatizzaw magħhom għax qalgħu daqqa wkoll. Pero’ le. Ma tiġix tgħidli biex innaqqsu mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern.” 

Huwa żied jistaqsi: “x’aħna qed ngħidu li min qed jaħdem bit-teleworking mhu qed jagħmlu xejn. Dak qed jagħti servizz flok mill-uffiċċju mid-dar tiegħu. Xorta qed jaħdem. X’nagħmlu nagħtuh nofs paga?.” 

Temm jgħid li dawk it-tip ta’ stqarrijiet, qabel jinħarġu jridu l-ewwel jaraw x’inhuma l-fatti. “Il-ħaddiema tas-servizz u tas-settur pubbliku f’dan il-mument qamu għall-okkażjoni u għandna nkunu kburin li dawn il-ħaddiema qed jgħinu biex negħlbu din il-pandemija.” 

YouTube video

“Fit-Taqsima tagħna żgur ma ssibx nies li ma jagħmlu xejn”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin qalet li fi ħdan it-Taqsima hemm membri li jaħdmu qatigħ fil-qasam tas-saħħa bħal infermiera li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza u ħaddiema klerikali li jaħdmu f’kull dipartiment tal-Isptar Mater Dei u fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Darmanin qalet li dawn kollha qed iħabbtu wiċċhom ma’ mard kontinwu lejl u nhar. Hija żiedet tgħid li għalhekk il-GWU ma taqbilx ma’ dak li ntqal li hemm xi ħaddiema fis-settur pubbliku li għandhom jitnaqqsulhom xi benefiċċji.

Qalet li: “fit-taqsima tagħna żgur ma ssibx nies li ma jagħmlu xejn u m’għandhomx xogħol. Pjuttost qed jaħdmu ħinijiet twal. Hemm xi wħud li kellhom jibdlu l-ħinijiet tagħhom biex jaqdu l-eżiġenzi tad-dipartiment biex ix-xogħol jibqa’ għadej bla ebda interruzzjoni.” 

“Għalhekk nemmnu li dawn il-ħaddiema għandhom jingħataw kumpens għad-dedikazzjoni li għandhom u li jagħtu ħilithom kollha biex iwettqu dmirhom għall-ġid tal-poplu Malti,” saħqet is-Segretarju Darmanin.

Hija temmet tħeġġeġ lill-pubbliku biex jibqa’ jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa biex mhux biss noħorġu minn din is-sitwazzjoni kemm jista’ jkun malajr imma nagħtu l-appoġġ tagħna lil dawn il-ħaddiema li kellhom jinsew lil familjari tagħhom biex jagħtu servizz lilna lkoll.

Sport