Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Michael Stivala ddikjara li filwaqt li l-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta żdiedu b’rata konsiderevoli fl-aħħar snin, u dan minħabba diversi fatturi, wieħed irid jinnota li r-rata ta’ żieda kienet waħda konsistenti matul is-snin u din fil-figura ta’ madwar 6%. B’hekk, qal is-Sur Stivala, jirriżulta ċar li wieħed minn dawn il-fatturi li qed tikkontribwixxi għal żieda fil-prezz hi l-fatt li l-proprjetà hi forma ta’ investiment li l-Maltin jemmnu ħafna fiha.
F’intervista ma’ IT-TORĊA, il-President tal-MDA semma li matul dawn l-aħħar 10 snin kien hawn domanda għolja għal prorpjetà filwaqt li s-settur privat investa ħafna f’dan is-settur. Qal li dan ġie amplifikat mill-iskarsezza ta’ art għall-iżvilupp, speċjalment fiż-żoni urbani, u l-ispejjeż dejjem jogħlew fuq materjali tal-kostruzzjoni, fosthom il-ħadid u l-konkos.
“Barra minn hekk, ir-rata baxxa tal-imgħaxx fuq self ipotekarju għamlet l-investiment fil-proprjetà aktar aċċessibbli, u b’hekk kompliet tiżdied id-domanda. Ħafna mill-iżviluppaturi kellhom ukoll jaddattaw għal rekwiżiti regolatorji li ġabu magħhom burokrazija eċċessiva li ħafna drabi ma żiedet ebda valur u b’hekk dawn il-bidliet wasslu għal spejjeż amministrattivi u ta’ konformità ogħla li attwalment qed iħallsu għalihom il-familji Maltin,” żied jgħid is-Sur Stivala.
Liġi li se ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Mistoqsi x’effett ħallew il-miżuri ġodda relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq is-settur tal-kostruzzjoni, il-President tal-MDA stqarr li l-Assoċjazzjoni kienet minn ta’ quddiem sabiex tinsisti fuq il-bidliet neċessarji fil-liġi, kemm fid-dawl ta’ kemm fid-dawl ta’ osservazzjonijiet tal-membri tagħha kif ukoll fid-dawl tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
Huwa spjega li “fost tibdil ieħor, din il-liġi l-ġdida ser tkun qed tagħti lok illi żviluppaturi jappuntaw rappreżentant tagħhom, li jkunu professjonisti, sabiex jieħdu ħsieb ir-responsabbilitajiet relatati mas-saħħa u s-sigurtà għan-nom tagħhom.
Dan l-irwol ġdid se jkun qiegħed jiżgura illi d-direzzjonijiet tas-supervisors tal-proġett ikunu qiegħdin jiġu implimentati. Fost il-bidliet se jkun hemm iż-żieda ta’ poteri lis-supervisor tal-proġett illi ser ikun jista wkoll iwaqqaf ix-xogħlijiet f’każ illi jiġu indentifikati xi riskji fis-sit u anke l-obbligu li jżomm informata lill-awtorità kompetenti.
Addizzjonalment, l-istess awtorità ser tibda żżomm reġistru li fih ser ikun hemm informazzjoni dwar il-professjonisti kwalifikati li jkunu jistgħu jassumu l-irwoli relatati mas-saħħa u sigurta.”
Tenna li l-MDA hija kunfidenti illi l-introduzzjoni ta’ din il-liġi ser tkun qiegħda ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u ttenni li x-xogħol tal-assoċjazzjoni ser ikompli mingħajr waqfien u dan billi tkompli timbotta, taħdem u tikkonsulta mal-entitajiet u l-politiċi kollha għal aktar riformi li ser jgħollu l-kwalita u l-livell tas-settur.