Friday, March 28, 2025

Il-prosekuturi Franċiżi qed jitolbu sentenza ta’ seba’ snin għal Sarkozy fil-proċess tal-iffinanzjar tal-kampanja Presidenzjali tiegħu

Aqra wkoll

Il-prosekuturi Franċiżi talbu sentenza ta’ seba’ snin ħabs u multa ta’ €300,000 għall-eks President Franċiż Nicolas Sarkozy, b’rabta mal-allegazzjonijiet li l-kampanja Presidenzjali tiegħu tal-2007 kienet iffinanzjata illegalment mill-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Finanzjarju Nazzjonali (PNF) appella wkoll għal projbizzjoni ta’ ħames snin fuq id-drittijiet ċivili u tal-familja ta’ Sarkozy, miżura li tipprojbixxih milli jokkupa kariga eletta jew iservi f’xi rwol ġudizzjarju pubbliku.

Il-każ, fetaħ f’Jannar u mistenni li jintemm fl-10 ta’ April, huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar serji fost il-bosta skandli legali li nħarġu wara li ntemmet il-Presidenza tiegħu. 

Sarkozy li llum għandu 70 sena, mexxa lil Franza mis-sena 2007 sas-sena 2012, qed jiffaċċja akkużi ta’ korruzzjoni passiva, finanzjament illegali ta’ kampanji, ħabi ta’ abbuż ta’ fondi pubbliċi u assoċjazzjoni kriminali.

Ta’ min jgħid li Sarkozy  ċaħad kull akkuża. Irid jingħad li lura għas-sena 2011, l-aġenzija tal-aħbarijiet Libjana u Gaddafi stess kienuy qalu li l-Istat Libjan kien daħħal miljuni ta’ Ewro bil-moħbi fil-kampanja ta’ Sarkozy tas-sena 2007.

Fl-2012, l-iżbokk investigattiv Franċiż Mediapart ippubblikat dak li qal li kien memorandum tal-intelligence Libjana li jirreferi għal ftehim ta’ finanzjament ta’ €50 miljun.

Sarkozy iddeskriva d-dokument bħala falsifikazzjoni u fittex għal malafama. Il-Maġistrati Franċiżi aktar tard qalu li l-memo deher li kien awtentiku, għalkemm ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza konklużiva ta’ tranżazzjoni kompluta. L-investigaturi eżaminaw ukoll sensiela ta’ vjaġġi mill-assoċjati ta’ Sarkozy lejn il-Libja bejn l-2005 u l-2007. Fl-2016, in-negozjant Franco-Libaniż Ziad Takieddine qal lil Mediapart li kien wassal bagalji mimlija flus kontanti minn Tripli lill-Ministeru tal-Intern Franċiż taħt Sarkozy.

Iktar tard irtira l-istqarrija tiegħu u għalhekk kellha ssir investigazzjoni separata dwar it-tbagħbis possibbli tax-xhieda.

Sarkozy u martu, Carla Bruni-Sarkozy, it-tnejn tqiegħdu taħt investigazzjoni preliminari f’dak il-każ.

Ta’ min wieħed Sarkozy diġà nstab ħati f’żewġ kawżi kriminali oħra. Filfatt f’Diċembru tas-sena 2024, il-Qorti Franċiża kkonfermat il-sentenza fil-konfront tiegħu.   Hu kien  tilef l-appell tiegħu fuq sentenza li ngħata fl-2021 fuq akkużi ta’ korruzzjoni u indħil biex ingħata informazzjoni kunfidenzjali dwar investigazzjoni li kienet qed issir fuq il-finanzjament tal-kampanja tiegħu tas-sena 2007. Il-Qorti kkonfermat sentenza ta’ tliet snin ħabs. Qalet li sentejn minn dawk is-snin ġew sospiżi u li Sarkozy għandu jilbes brazzuletta elettronika flok jiskonta sena ħabs. F’deċiżjoni separata fi Frar tas-sena 2024, il-qorti tal-appell ta’ Pariġi sabitu ħati ta’ finanzjament illegali.

Jekk jinstab ħati fuq il-proċeduri li għaddej bħalissa isir l-ewwel eks President Franċiż li jinstab ħati li aċċetta fondi barranin illegali biex jirbaħ elezzjoni Presidenzjali.  ll-verdett mistenni aktar tard din is-sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport