Sunday, December 14, 2025

“Il-prosekuzzjoni għandha tagħżel: jew tagħlaq… jew tirtira”  – Daniel Attard, MPE

Aqra wkoll

Id-Deputat Parlamentari Ewropew, Daniel Attard tkellem dwar l-aħħar żviluppi mill-Qorti fil-każ kontra Joseph Muscat u l-bqija ta’ dawk kollha akkużati intortament, u ddikjara li issa wasalna fis-siegħa tal-prova. “M’hemmx aktar lok għad-dewmien u t-tkaxkir tas-saqajn. Jekk il-Prosekuzzjoni temmen fis-saltna tad-dritt – trid tiddeċiedi: jew tikkonkludi l-każ tagħha… jew tirtirah għal kollox. M’hemmx triq oħra. Il-fatti huma ċari. Ir-rapuni ma tridx forza. Mhux opinjoni tiegħi, mhux politika – il-fatti.”

Daniel Attard f’kumment li għadda lil IT-TORĊA qal li “l-awtur tar-rapport ewlieni – li fuqu ġiet ibbażata din is-suppost kawża – ġie msejjaħ biex jixhed darba… darbtejn… tliet darbiet. Hawn Malta u barra minn Malta. U baqa’ ma ġiex. Ma tfaċċax. Mhux talli hekk, talli wieġeb b’dikjarazzjoni li mhux se jixhed u li xogħolu ma kellux jintuża biex jitressqu n-nies il-Qorti. Kliemu dan, mhux kliemi. Kliem l-espert li tħallas il-miljuni bl-awtorizazzjoni tal-Maġistrat inkwerenti! Mela allura, aħsbu ftit, jekk l-unika bażi tal-prosekuzzjoni ma tistax tkun eżaminata jew kkontestata, f’kull sistema ġudizzjarja serja, l-konklużjoni tkun waħda biss: ma hemmx każ. Issa lil hinn minn dak li hu legali – li dwaru ma fadal ebda dubju – hemm wkoll verità li ftit jitkellmu dwarha. Wara kull akkużat hemm uman. Mhux headlines, mhux slogans, mhux politika. Imma familji.”

Saħaq li “nanniet, ġenituri, ulied,– li għal xhur twal ma setgħux igawdu l-ħajja tagħhom, anqas dawn iż-żminijiet tal-festi, għax ħadd ma jista’ jgħix liberu meta l-isem tiegħu u ta’ qrabatu jkun imdendel u mżeffen fi proċess inġust bħal dak li għaddejjin minnu sħabna fil-każ tal-Vitals. Reputazzjonijiet imħassra. Karrieri mwaqqfa. Kontijiet bankarji ffriżati. U dan kollu għal każ li llum, kif inhu ċar għal kulħadd, ma fadallu ebda bażi.  Jiena qatt ma ddejjaqt nitkellem, anke akkost li niġi attakkat. Għax nitkellem fuq il-fatti u fuq il-prinċipji legali li japplikaw għal kulħadd l-istess. Ibda mill-ewwel u l-iktar prinċipju fundamentali bażiku – il-preżunzjoni tal-innoċenza.”

Tenna li “prinċipju li dawk li ġew akkużati intortament ġew imċaħħda minnu għax xandruhom, żebilhuhom u ħammġuhom kemm felħu inkluż hawnhekk, fil-Parlament Ewropew. Għax kif dejjem għedt, din persekuzzjoni politika kienet, u mhux proċess ġudizzjarju. Issa wara din il-persekuzzjoni politika, ma nistgħux nippermettu diskriminazzjoni, sempliċiment għax l-akkuzati huma min huma.  Is-saltna tad-dritt trid tapplika għal kulħadd bl-istess kejl. Illum id-difiża qalet fil-Qorti eżatt dak li ilni ngħidu jien mill-bidu: Jekk ir-rapport ewlieni ma jistax jiġi ddifiz u eżaminat, u jekk l-awtur tiegħu irrifjuta li jixhed fuq xogħol tiegħu stess – allura l-Prosekuzzjoni għandha d-dover, mhux l-għażla, id-dover – li tagħlaq il-każ tagħha jew tirtirah. Il-pajjiż kollu qed jara. Din m’għadhiex kwistjoni politika – hi test ta’ min tassew jemmen fil-ġustizzja u min jużaha bħala arma.”

Tenna li “u għalhekk nagħlaq kif bdejt: Illum, il-prosekuzzjoni għandha tagħżel: jew tagħlaq… jew tirtira. Għax wara persekuzzjoni, m’hemmx lok għal diskriminazzjoni.”

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport