Għadd kbir ta’ dimostrazzjonijiet tal-massa fi bliet madwar id-dinja matul dawn l-aħħar sentejn urew lir-residenti ta’ Gaża li, filwaqt li l-gvernijiet kullimkien abbandunawhom, “in-nies” f’kull kontinent xorta waħda huma magħhom fl-ispirtu. Rapporti mill-Palestina kkonfermaw li jekk xejn, dan kien importanti għall-moral tal-istess Palestinjani.
Kellna protesti kbar madwar id-dinja, xi drabi kontinwi. Protesti kontinwi fi bliet Ingliżi, l-Irlanda u anke fl-Istati Uniti. Ovvjament ma setax jonqos li jkollna Stati li jibdew jaraw x’se jagħmlu biex jippruvaw irażżnu dan l-attiviżmu. Jiskoraġixxuh. Xi bdew jagħmlu? Jużaw il-forza tal-Pulizija u l-forzi tal-ordni. Bdejna naraw l-attivisti jiġu arrestati. Xi drabi b’forza eċċessiva. Rajna dan isir b’mod parikolari għal diversi drabi mill-Pulizija Ġermaniża f’Berlin fost oħrajn.
Apparti l-masses tan-nies….min kienu l-movimenti
li joffru r-reżistenza favur il-Palestinjani?
Waqt li fl-aħħar xhur rajna l-popli jappoġġjaw u juru solidarjetà mal-Palestinjani, ma ninsewx li kien hemm hemm reżistenza oħra ukoll dik mill-Heżbollah, il-Houthis u l-Iran. Dawn anke użaw forza militari b’appoġġ għall-Palestinjani. Tqum imma l-mistoqsija b’mod partikolari fost ħafna attivisti li minkejja li tpoġġiet tama f’dawn il-gruppi ta’ reżistenza, xorta l-għan għall-Palestinjani ma intlaħaqx. Hemm min jgħid imma kif l-Istati Għarab jibqgħu gallerija? Kif pajjiżi tal-punent ma intervjenewx biex tinstab soluzzjoni għal kunflitt li ilu jkaxkar snin tfal. Kunflitt li minkejja li Iżrael hu superjuri, hu fatt li l-Iżraeljani ma setgħux jgħixu b’mod sigur. Għax hu ċar, li ma jistax ikun hemm sigurtà f’Iżrael jekk ma jkunx hemme sigurtà fil-Palestina. Dan mhux kulħadd jaċċettax imma hu llum hu ċar ħafna aktar minn qabel li b’Palestinja imjassra, attakka u mċaħħda, Iżrael ma jistax ikollu sigurtà sħiħa għaċ-ċittadini tiegħu.
Iżrael mhux sempliċiment Stat…hu parti
mill-ordni imperjalista globali
Il-problema kollha u għalhekk hi kobbla li diffiċli tintab soluzzjoni tagħha, hu l-fatt li Iżrael mhux sempliċiment Stat. Iżrael ma tistax tgħid li hu Stat bħal oħrajn. Hu għalhekk li beda bil-mod il-mod jieħdu dejjem aktar artijiet Palestinjani u jokkupahom, mingħajr ħadd ma kien jitniffes. Il-pajjiżi influwenti baqgħu indifferenti għal dan. Spiss issib min jgħidlek għax Iżrael hu Stat b’saħħtu. Iżrael għandu l-appoġġ tal-Istati Uniti.
Hu kollu minnu dan imma ma dan hemm punt ieħor ieħor li ftit jissemma u hu minħabba dan li tispikka l-prepotenza ta’ Iżrael. Iżrael tista’ tgħid li hu parti integrali mill-ordni imperjalista globali mmexxija mill-Istati Uniti. Is-sħubija f’dik l-ordni tiddefinixxi l-karattru tagħha aktar minn kull ħaġa oħra u hija l-bażi tal-poter u l-impunità tagħha.
Wieħed irid jirrimarka li “l-ordni imperjalista globali ma tibqax definita mir-razza jew mill-kolonjaliżmu. Tinkludi mhux biss stati “bojod” tal-Punent iżda wkoll firxa ta’ potenzi reġjonali u nazzjonijiet li qabel kienu kolonizzati. L-Għarabja Sawdija, il-Ġordan u l-Eġittu kollha għandhom rwoli ewlenin fil-Lvant Nofsani bħala parti mill-ordni mmexxija mill-Istati Uniti.
Diversi pajjiżi jgħidu li se jirrikonoxxu l-Istat Palestinjan…
…imma imbagħad jesportaw l-armi lejn Iżrael
Quddiem l-aħħar żvilupp fix-xhur li għaddew b’mod partikolari bil-kriżi tal-ġuħ li impona Iżrael bl-imblokk tiegħu, kriżi tal-ġuħ li kienet ippjanata u parti minn strateġija, wasslet biex diversi Stati jħabbru li se jirrikonoxxu l-Istat Palestinjan. Kien hemm min laqa’ b’mod pożittiv dan. Imma fir-realtà din x’se ssolvi fil-kriżi li hemm? Prattikament xejn. Fuq kollox x’jiswa li Stat jgħid li se jirrikonoxxi l-Palestina bħala Stat imbagħad dak l-istess pajjiż jibqa’ jesporta l-armi lejn Iżrael, liema armi imbagħad jintużaw fuq il-Palestinjani. X’jiswa li tirrikonoxxi l-Istat Palestinjan, imma imbagħad tibqa’ tinnegozja l-kummerċ ma’ Iżrael, li litteralment ħoloq qerda kbira f’Gaża.
Per eżempju jekk nieħdu l-Awstralja naraw li l-Prim Ministru Anthony Albanese ddikjara fl-aħħar kiem li l-Awstralja se tivvota biex “tirrikonoxxi” l-istat Palestinjan f’laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti x-xahar id-dieħel. Fost għadd kbir ta’ attivisti favur il-kawża Palestinjan din tqieset bħala reazzjoni ċinika mill-gvern Awstraljan għall-pressjoni pubblika dejjem tikber u l-kriżi tal-ġuħ f’Gaża.
L-attivisti bla tlaqlieq kienu qalu li ċiniżmu tal-gvern Awstraljan hu rifless fl-istqarrija deskritta bħala falza ta’ Albanese li dal “li dan huwa ħafna aktar milli sempliċement tfassal linja fuq mappa—dan huwa dwar li twassal linja tas-salvataġġ lin-nies ta’ Gaza”.
Imma għal dan l-attivisti jwieġbu b’mod ċar ħafna. Jenfasizzaw li kieku l-gvern Awstraljan kien serju dwar li jipprovdi linja tas-salvataġġ, seta’ jibda billi jtemm l-esportazzjoni kontinwa tal-komponenti tal-armi tal-Awstralja lejn Iżrael, inkluż azzar f’vetturi armati Iżraeljani u komponenti tal-ajruplani F-35.
L-attivisti jgħidu li l-gvern jista’ jikkanċella ftehimiet ma’ kumpaniji tal-armi Iżraeljani (bħall-kuntratt ta’ $917-il miljun iffirmat is-sena l-oħra ma’ Elbit Systems) li jiffaċilitaw il-magna tal-gwerra Iżraeljana.
U l-Istati li jesportaw komponenti ta’ l-armi lejn l-Israel
iwieġbu għal dan b’mod pwerili
L-argument li qed tesporta l-armi lejn Iżrael jew li qegħdin jintużaw portijiet u vapuri ta’ pajjiż partikolari biex jitwasslu l-armi hu argument li jaqta’ fil-laħam il-ħaj. It-tweġiba għal dan l-argument imma tkun mill-aktar pwerili, u tinsulta l-intelliġenza tal-poplu
Jekk nieħdu x’qal il-Ministru tad-Difiża Richard Marles meta kien ġie mistoqsi dwar l-esportazzjoni militari kontinwa mill-Awstralja lejn Iżrael, huwa ċċara l-pożizzjoni tal-gvern. Marles kien iddikjara li l-Awstralja ma tfornix armi lil Iżrael u hu bbaża l-argument fuq id-dikjarazzjoni bbażata fuq l-istqarrija li l-armi mmuntati kompletament biss jgħoddu bħala armi.
Jekk wieħed jara x’kienet qalet Amal Naser mill-grupp ta’ Azzjoni Palestinjana, hi kienet iddikjarat li “ma tistax ‘tirrikonoxxi’ Stat waqt li tippermetti li komponenti magħmula fl-Awstralja jgħinu biex jarmaw lil Iżrael biex ikompli jattakka. Ma tistax tiġġieled għall-mejtin waqt li tgħin biex tagħmel l-armi li joqtluhom”.
Ir-rabja tal-popli ħalliet effetti….Stati jgħidu li mhux
se jirrikonoxxu u wara jibdlu l-verżjoni
Ir-rabja tal-popli li niżlu fit-toroq b’appoġġ għal Palestinjani ħalliet effett anke fuq deċiżjonijiet tal-gvernijiet ta’ pajjiżhom. Jekk nieħdu l-Awstralja u l-protesta kbira li kienet saret, naraw li l-Prim Ministru Albanese kien idikjara li mhux se jirrikonoxxi l-Palestina fl-immedjat. Iżda wara li r-rabja mifruxa dwar il-kompliċità tal-Partit Laburista fil-ġenoċidju ġiet espressa fit-3 ta’ Awwissu fil-marċ massiv tul il-Pont tal-Port ta’ Sydney, il-gvern tiegħu ipprova jrażżan dawk is-sentimenti. Dan sar billi ħabbar li l-Awstralja kienet se tirrikonoxxi stat Palestinjan f’Settembru.
Interessanti hu l-fatt li pajjiżi tal-Punent li huma kollaboraturi ta’ Iżrael fosthom ir-Renju Unit, Franza u l-Kanada, ħabbru li se jirrikonoxxu l-istat Palestinjan.
U dawn il-pajjiżi waqt li jħabbru dan ikomplu jappoġġjaw u jipparteċipaw fil-ġenoċidju tal-Palestinjani minn Iżrae. Dan isir b’diversi modi fosthom bejgħ tal-armi, il-kondiviżjoni tal-intelliġenza u r-repressjoni tal-protesti favur il-Palestinjani.
Il-kriżi tal-ġuħ kienet wisq imbarazzanti
Forsi tiġik il-mistoqsija u tgħid imma għaliex dawn il-pajjiżi kollaboraturi ħadu dan il-pass? X’kien li wassalhom għal dan? Bħal dubju li l-opinjoni pubblika u protesti kbar għamlu effett. Ma’ dań imma trid iżżid li l-kriżi tal-ġuħ ta’ żewġ miljun ruħ minn Iżrael f’Gaża kien wisq politikament imbarazzanti għal ħafna gvernijiet tal-Punent li appoġġjaw il-qtil ta’ Iżrael mill-bidu nett.
Il-vot dwar ir-rikonoxximent mhu se jagħmel xejn biex iwaqqaf il-kriżi umana tal-Palestinjani f’Gaża minn Iżrael, u l-estensjoni tal-operazzjoni ta’ tindif etniku tiegħu fix-Xatt tal-Punent. Dan ġie affermat b’mod ċar mill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, li ddikjara li t-tħabbiriet ta’ rikonoxximent “mhux se jbiddlu l-pożizzjoni tagħna”. Il-pjan propost minn Netanyahu għall-okkupazzjoni permanenti tal-belt ta’ Gaża, liema pjan issa inbeda, għamilha ċara li l-unika soluzzjoni li se “tirrikonoxxi” hija l-konkwista tat-territorju kollu u t-tindif etniku tal-abitanti tiegħu.