Fl-aħħar jiem smajna ħafna dwar it-tema tal-ambjent. Suġġett li ilu jiġi dibattut. Suġġett li għal ħafna żmien kien hawn nuqqas kbir ta’ kuxjenza dwaru. Maż-żmien iżda il-kuxjenza dwaru dejjem bdiet tiżdied. Kemm fejn jidħol l-ambjent naturali, l-ambjent marittimu u anke l-kwistjoni tal-bidla fil-klima. Kuxjenza li twassal biex minn żmien għal żmien nitkellmu fuq il-kwistjoni tal-bini, il-qerda ta’ art verġni, bini f’żoni barra l-iżvilupp, l-istorjbu fil-qalba tal-ibliet tagħna u kwistjonijiet oħrajn. Imma lil hinn mill-kuxjenza ambjentali li hi importanti, trid issir il-mistoqsija kemm aħna verament qegħdin nagħmlu l-parti tagħna. Kemm aħna lesti li naraw li nibdlu ħajjitna, l-istil ta’ ħajja tagħna, biex verament ikunu qegħdin ngħinu l-ambjent.
Kull ma tridu tagħmlu kull wieħed u waħda minnkom hu li tistaqsu din id-domanda lilkom infuskom. Titkellem fuq l-ambjent imma imbagħad kull fejn tmur tuża l-karozza privata tiegħek? Meta kien l-aħħar li irkibt it-trasport pubbliku? Dawn huma domandi li rridu nagħmlu lilna infusna. Il-kuxjenza importanti imma l-aġir tagħna favur l-ambjent hu importanti aktar.
Riċenti, l-ambjent spiċċa anke ballun politiku. Kellna proposta biex l-ambjent jiġi rikonoxxut bħala d-dritt għall-ambjent fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Proposta forma ta’ abbozz li ħawdet lil ħafna. Inkwetat ukoll lil ħafna. Proposta imħawwda u tidher li saret mingħajr ħsieb sew. Jidher ċar li ma saritx konsultazzjoni serja mal-partijiet interessati, l-industrija, is-soċjetà ċivili, l-esperti legali u għadd ta’ għaqdiet.
Kienet proposta li d-diskussjoni li qajmet ma naħsbux li kien ta’ ġid għall-ambjent. F’ħafna nies u għaqdiet ħolqot biża’. Hi ħasra li l-ambjent f’pajjiżna u d-diskussjoni dwaru spiċċat f’din is-sitwazzjoni.
Il-Gvern kif kien mistenni irrifjutaha, u qal li d-definizzjoni wiesgħa wisq u l-ambigwità legali potenzjali kienu se jimpattaw fuq tradizzjonijiet kulturali. Ma nistgħux f’pajjiżna jiġi xi ħadd u jressaq riformi Kostituzzjonali neqsin minn preċiżjoni. Dgħajfin. Neqsin minn ħila u analiżi sew tas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna.
U quddiem dan it-taħwid u kakofonija li nħolqot smajna membri tal-Oppożizzjoni jgħidulna li hemm pajjiżi Ewropej li għandhom dan id-dritt fil-Kostituzzjoni. Semmewlna l-Portugal, Spanja u l-Greċja.
Il-Finlandja, is-Slovenja, l-Ungerija, il-Bulgarija, u oħrajn daħħlu dan id-dritt fil-liġi suprema tagħhom. Stati oħra tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, u l-Iżvezja, għażlu rikonoxximent leġiżlattiv.
Forsi sezzjonijiet sħaħ tal-poplu ma fehmux eżatt l-implikazzjonijiet ta’ proposta mhux imħawwra sewwa x’effett jista’ jkollha jekk tiddaħħal fil-Kostituzzjoni. Għalhekk wieħed stenna ċertu għaqal minn min ressaq il-proposta. Inutli jkun hemm min jammetti li setgħet saret aħjar. Qegħdin nitkellmu fuq dritt Kostituzzjonali.
Dak li seħħ b’rabta ma’ din il-proposta jurina ħaġa waħda. Dik li bħala pajjiż irridu nikbru. Ma nistgħux nibqgħu naġħmlu kollox ballun politiku f’dan pajjiżna. Kemm se ndumu sejrin b’din il-politika diviżiva mill-Oppożizzjoni? Kemm se ndumu jkollna politiċi li jistmaw lill-poplu tagħna qishom tfal żgħar. In-nies illum kapaċi janalizzaw. Jaraw sew l-affarijiet.
Għax ejja ngħiduha kif inhi, il-protezzjoni ambjentali teħtieġ aktar minn dikjarazzjonijiet ambizzjużi u abbozzi ta’ liġi mgħaġġlin u dilettanteski. Teħtieġ implimentazzjoni u diskussjonijiet koerenti. Jiġifieri infuriar, kapaċità regolatorja, u involviment pubbliku. U min-naħa tiegħu, l-involviment pubbliku jipprovdi ġustizzja ambjentali. Jiġifieri li nżommu lil min iħammeġ responsabbli u li nsaħħu lill-komunitajiet. Jiġifieri li niżguraw li d-drittijiet ambjentali ma jkunux biss rikonoxxuti imma wkoll realizzati.