Saturday, December 21, 2024

Il-Protezzjoni Ċivili jingħataw l-Outstanding Effort Award

Aqra wkoll

Il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ġew onorati hekk kif ingħata l-Outstanding Effort Award. Dan l-unur ingħata waqt iċ-Ċerimonja tal-Awards tas-Servizz Pubbliku li saret ilbieraħ.

Kien iċ-Chief Assistance Rescue Officer Charles Grima li rċieva dan il-prempju f’isem il-ħaddiema kollha tal-Protezzjoni Ċivili mingħand il-President ta’ Malta Dr George Vella flimkien mas-Segretarju Prinċipali Permanenti Tony Sultana.

Fost dawk li awgura lill-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kien hemm il-GWU.

Huma ngħataw dan il-premju wara li fi Frar li għadda kienu fuq quddiem nett biex marru jgħinu lill-persuni milquta mit-terremot fit-Turkija u anke wettqu salvataġġ fil-pajjiż.

Intant il-President ta’ Malta George Vella qal li t-tiġdid sar parti mill-preżent u l-futur tal-ħidma tal-uffiċjali u l-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku.

Waqt iċ-Ċerimonja tal-Għoti ta’ Rikonoxximent għas-Servizz Pubbliku, il-President stqarr li x-xogħol fi ħdan is-Servizz Pubbliku qatt ma jista’ jkun statiku. “Minnu nnifsu s-Servizz Pubbliku għandu dejjem jevolvi u jinbidel, biex jilħaq il-ħtiġijiet ta’ soċjetà dinamika. Ilkoll nifhmu kif żviluppi fit-teknoloġija għandhom rwol ċentrali biex ikompli jintlaħaq dan il-għan”, qal il-President Vella.

Il-President irrimarka li fil-kuntest modern li qed ngħixu fih, filwaqt li parti sew mill-popolazzjoni – bħal fost l-oħrajn l-anzjani – għadha tfittex servizzi pubbliċi wiċċ imb wiċċ fid-dipartimenti u l-uffiċini, hemm persentaġġ dejjem jikber li jfittex li jinqeda fl-inqas ħin u bl-inqas skariġġ possibbli.

Hawnhekk, qal il-President Vella, joħroġ biċ-ċar il-valur tat-teknoloġija mobbli li toffri soluzzjonijiet immedjati, bla ma wieħed joqgħod jinqala’ minn daru u jaħli ħinijiet twal fil-kju jew fuq it-telefon. “Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, dawn is-servizzi m’għadhomx meqjusa bħala lussu, iżda pjuttost saru bżonn,” żied jgħid il-President fid-diskors tiegħu.

Ekonomija

Sport