Thursday, January 30, 2025

IL-PROTEZZJONI TAL-AMBJENT … DMIR TA’ KULĦADD

Aqra wkoll

Meta wieħed jitkellem fuq l-ambjent ma jistax ma jiftakarx fi frażi importanti ta’ Chief Seattle li darba staqarret li “d-dinja ma tappartjenix lilna: aħna nappartjenu lid-dinja.”

U b’din il-premessa li kull gvern u fuq kollox, kull individwu jrid jaġixxi. Jaġixxi b’responsabiltà fid-deċiżjonijiet li jieħu. Fl-aġir tiegħu lejn il-ġenerazzjoni tal-lum u wisq aktar ta’ għada. Għax l-ambjent huwa patrimonju misluf lilna biex ingawduh b’responsabiltà u dinjita.

Għalhekk huwa kruċjali kull pass u kull mizura li nieħdu b’risq l-ambjent ghandu jkun fil-kuntest tal-miri ambjentali stabiliti fil-ftehim ta’ Pariġi biex l-emissjonijiet jinżlu żero nett sas-sena 2050, imma mhux biss. Għandu jkun ukoll bil-premessa li ambjent nadif huwa dritt tal-bniedem.

F’dan il-kuntest ma nistgħux ma nagħmlux referenza għal dak li qalet il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli fil-Parlament waqt id-diskussjoni ġenerali mingħajr vot dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għas-sena 2023.

L-aħħar Rapport dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2024 mis-Sustainable Solutions Network ikklassifika lil pajjiżna fis-36 post minn 167 pajjiż b’punteġġ ta’ 77%. Meta nqabblu dan ir-rapport, ma’ dak tas-sena l-oħra, pożittivament insibu li Malta avvanzat ħames postijiet ‘lfuq mill-klassifikazzjoni tal-41 post is-sena l-oħra, b’punteġġ ta’ 75.5%. Riżultat li jssaħħaħ l-impenn ambjentali ta’ pajjiżna.

Niftakru wkoll li pemrezz ta’ diversi entitajiet bħall-Aġenzija Project Green, Ambjent Malta u l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Ministeru tal-Ambjent issokta b’diversi proġetti sabiex f’pajjiżna noħolqu iżjed spazji miftuħa, inklużi parks u ġonna, sabiex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-familji Maltin u Għawdxin.

Dan qed isir bħala parti minn pjan fit-tul tal-Gvern sabiex jinħolqu spazji ta’ kwalità fejn in-nies ikunu jistgħu jistrieħu u jgawdu l-ambjent naturali fil-qalba tal-lokalitajiet tagħhom.

Lil hinn minn din il-pożittivita kollha, xorta nibqgħu nemmnu li kulħadd, kull ċittadin, għandu jagħti sehmuj u jaħdem id f’id sabiex pajjiżna jersaq aktar lejn żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli. Biex ukoll pajjiżna jilħaq il-miri ambjentali tiegħu kif iffissfati mill-Unjoni Ewropea.

Huwa b’dan il-mod li verament aħna bħala poplu nistgħu nagħmlu differenza u flimkien nistgħu inkomplu niksbu l-għanijiet ta’ pajjiżna bl-aktar mod effettiv, komprensiv u konvinċenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport