Saturday, November 22, 2025

Il-Protezzjoni tal-Ġustizzja fl-Era Diġitali: L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera dwar l-Evoluzzjoni tad-Drittijiet tal-Akkużat fl-Ewropa

Aqra wkoll

Hekk kif il-pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw bidliet teknoloġiċi bla preċedent fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, professjonisti legali minn madwar l-Ewropa nġabru fil-Belt Valletta għall-Konferenza Annwali dwar il-Ġustizzja Kriminali fl-Unjoni Ewropea 2025, mifruxa fuq jumejn. 

Il-programm, li kien organizzat mill-ERA f’kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji ta’ Malta, laqqa’ flimkien Imħallfin, Prosekuturi, akkademiċi u dawk li jfasslu l-politika biex jiddiskutu sfidi kruċjali li jvarjaw mill-intelliġenza artifiċjali sal-provi diġitali u ż-żieda fil-kumplessità tal-kriminalità online. 

Fit-tieni jum tal-konferenza, wara sessjonijiet dwar deepfakes, deċiżjonijiet algoritmiċi u aċċess għall-apparat diġitali, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tat preżentazzjoni dwar wieħed mill-pilastri essenzjali tas-sistema ġudizzjarja; id-drittijiet tal-akkużat u suspettat fi proċeduri kriminali pendenti il-qorti u waqt investigazzjonijiet miżmuma mill-pulizja.

Il-preżentazzjoni tagħha ffukat fuq kif Malta implimentat id-direttivi tal-Unjoni Ewropea marbuta mal-Programm ta’ Stokkolma, li kellu l-għan li jsaħħaħ il-garanziji proċedurali fil-proċessi kriminali madwar l-Ewropa. 

Dawn id-direttivi jimmiraw li joħolqu livell minimu komuni ta’ protezzjoni għall-persuni akkużati, u jinkludu d-dritt għall-informazzjoni, għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, għall-assistenza legali, għall-għajnuna legali, kif ukoll is-saħħa tar-regola tal-preżunzjoni tal-innoċenza. 

L-Imħallef Scerri Herrera spjegat kif Malta għamlet progress sinifikanti fl-integrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fil-liġijiet u fil-prattika nazzjonali, u enfasizzat li dan ir-rwol huwa wieħed kruċjali biex tiġi garantita ġustizzja soda u trasparenti. Illum il-ġurnata d-Direttivi kollha ġew trasposti u Malta tinab fuq quddiem fit- tħaddim fid-drittijeit fundamentali u kardinali ta’ susespttati u akkużati fi proċeduri kriminali.

L-intervent tagħha ngħata f’kuntest usa’ tal-konferenza, fejn kien saru diskussjonijiet dwar sfidi ġodda bħad-deepfakes li jistgħu jimmanipulaw l-evidenza, sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali (AI) li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jtappnu t-trasparenza, u dibattiti dwar jekk għandux ikun hemm obbligu li akkużati jiżvelaw PINs jew passwords. Fid-dawl ta’ dawn, il-messaġġ tal-Imħallef Scerri Herrera kien wieħed ċar: minkejja li l-metodi tar-reati qed jinbidlu, il-valuri u d-drittijiet li jipproteġu lill-individwi għandhom jibqgħu sodi u mhumiex negozjabbli.

Barra minn hekk, saħqet fuq l-importanza li d-direttivi jiġu applikati b’mod uniformi f’kull Stat Membru. F’Unjoni fejn il-proċeduri kriminali spiss jaqsmu fruntieri, l-armonizzazzjoni mhijiex biss mixtieqa iżda essenzjali. Nuqqas ta’ konsistenza jista’ jnaqqas il-fiduċja fis-sistema ġustizzjarja Ewropea u jżid ir-riskju ta’ trattament inġust. In oltre it-tħaddim irid ikun uniformi minħabba r-rule of law li jinsab fis-sisien ta’ kull soċjetà demokratika li tħaddem ir-rule of law.

L-osservazzjonijiet tagħha fil-preżentazzjoni fakkru li l-Ewropa trid tiżgura li l-modernizzazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja qatt ma tkun ta’ detriment għall-valuri li jiddefinixxuha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport