Il-protezzjoni tal-impjiegi jibqa’ fundamentali biex l-ekonomija ma titlifx ir-ritmu u r-reżiljenza tagħha. Fil-fatt, il-qasam tal-impjiegi kompla jingħata l-importanza li jistħoqqlu fejn qed jiġu rreġistrati aktar riżultati pożittivi tant li s-suq tax-xogħol f’Malta hu fost l-aqwa fl-Ewropa. Dan minkejja li xi kultant ikun hemm telfien ta’ impjiegi.
Niftakru lura fis-snin, meta l-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha diffikultajiet iżda l-Gvern kien pront li jgħin biex is-suq tax-xogħol ma jbattix. Tant li kif ħriġna mill-pandemija, ir-ritmu ekonomiku ta’ pajjiżna baqa’ dak li kien qabel il-pandemija.
Id-deċiżjonijiet li minn żmien għal żmien jittieħdu u jolqtu direttament ix-xogħol u l-qasam tal-impjiegi ma jkunux unilaterali imma dan jitwettqu b’konsultazzjoni u kordinament mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Kunsil Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
F’dan kollu, il-General Workers’ Union qatt ma qagħdet lura biex tgaħti s-sehem tagħha. Mhux biss fix-xhur u s-snin li għaddew imma wkoll fil-viżjoni li hemm għall-futur. Tant li hi impenjata fil-ġlieda kontra xogħol u impjiegi mhux ta’ kwalità jew li hu mħallas inqas minn dak li suppost huwa skont il-liġi.
Il-GWU temmen f’xogħol li jagħti ċans lill-ħaddiem javvanza u jkabbar il-personalità tiegħu, f’sens ukoll li x-xogħol ma jkunx il-mezz biex persuna tiġi sfruttata. F’dan il-kuntest, il-GWU se tkompli tistinka biex il-ħlas għal xogħol ugwali tal-istess valur jibqa’ prijorità. Dan sabiex tintemm kull diskriminazzjoni li tista’ tkun għadha teżisti bejn il-pagi tal-ħaddiema rġiel ma’ dawk ta’ ħaddiema nisa. Dan fil-kuntest li kull investiment mhux biss għandu jkun ekonomikament sostenibbli imma wkoll soċjalment sostenibbli.
Xhieda ta’ kemm il-GWU hija pro-attiva fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, huwa l-każ riċenti li seħħ ta’ kumpanija li ma kinitx ħallset il-pagi dovuti lill-ħaddiema għal diversi xhur. F’dan il-każ, il-GWU intervjeniet minnufih, kif għamlet favur ħaddiema oħra f’kategoriji tax-xogħol differenti, sabiex il-ħaddiema milquta mhux biss jitħallsu dak kollu li hu dovut lilhom imma fl-istess waqt jiġi garantit l-impjieg tagħhom.
Dan kollu juri li l-GWU hija kontinwament attenta għal kull żvilupp – tajjeb jew ħażin – li jsir fis-suq tax-xogħol. U fejn ikun hemm bżonn tintervjeni mal-Gvern biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema. Dan huwa wkoll mera ta’ kemm it-trejdunjoniżmu huwa ħaj u rilevanti fid-dinja tax-xogħol tal-lum minkejja l-bidliet kbar u mgħaġġla li qed iseħħu ta’ kuljum.

