Thursday, March 12, 2026

“Il-protezzjoni tal-konsumaturi taħt regoli ġodda hija l-aktar waħda b’saħħitha fid-dinja” – L-MPE Alex Agius Saliba

Il-Parlament Ewropew japprova b’vot b’saħħtu favur ftehim imressaq mill-MPE Alex Agius Saliba li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur

Aqra wkoll

Il-konsumaturi Ewropej issa se jgawdu mill-aktar protezzjoni b’saħħitha fid-dinja wara li aktar kmieni llum, il-Parlament Ewropew approva b’vot b’saħħtu l-ftehim mal-Istati Membri Ewropej dwar ir-regoli tal-ivvjaġġar. 

Bħala n-negozjatur ewlieni, l-MPE Alex Agius Saliba, għal xhur sħaħ ħadem, innegozja u ressaq diversi rapporti fil-Parlament Ewropew bl-għan li jissaħħaħ id-dritt għall-konsumaturi Ewropej, fosthom Maltin u Għawdxin li jikkanċellaw is-safra tagħhom f’ċirkostanzi straordinarji u jirċievu rifużjoni immedjata. 

L-MPE Agius Saliba sostna kif “wara l-vot tal-lum, dawn ir-regoli aġġornati se jipproteġu lil kull konsumatur meta xi ħaġa tmur ħażina fil-vaganza tagħhom. F’ċirkostanzi straordinarji, meta l-ivjaġġar ma jkunx possibli, issa għandek id-dritt li tikkanċella l-vjaġġ tiegħek u tirċievi rifużjoni. Kriżijiet futuri m’għandhomx jitfgħu r-riskju finanzjarju fuq il-familji,” kompla Agius Saliba. 

Element ġdid miżjud f’din id-direttiva huwa l-użu tal-vouchers li ma kienx regolat qabel. Il-vouchers se jibqgħu volontarji u l-konsumatur għandu dritt jirrifjutahom u jitlb rifużjoni fi żmien 14-il jum minflok. 

Il-vouchers għandhom ikunu validi għal massimu ta’ 12-il xahar u l-konsumatur għandu jingħata rifużjoni għal kwalunkwe voucher li ma jintużax. Dawk li jkollhom voucher huma liberi jużawh għal kwalunkwe servizz ta’ vjaġġar offrut mill-organizzatur, jew f’daqqa jew f’partijiet. Il-vouchers se jkunu wkoll koperti b’garanziji kontra l-insolvenza. 

Għall-ewwel darba fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, qed jiġi introdott mekkaniżmu obbligatorju dwar l-ilmenti li jiġu mressqa. Kull aġenzija u organizzazzjoni għandha tistabilixxi sistema biex timmaniġja l-ilmenti billi tikkonferma li rċeviet l-ilment fi żmie sebat ijiemu tipprovdi tweġiba motivata fi żmien 60 ġurnata. B’hekk, il-konsumatur jista’ jirċievi kumpens finanzjarju jekk xi ħaġa tmur ħażin. 

Agius Saliba tenna wkoll li l-“vouchers huma għodda tajba imma jibqgħu volontarji u mhux obblogatorji. Għall-ewwel darba wkoll qed ninkludu mekkaniżmu obbligatorju għall-immaniġġjar tal-ilmenti. B’din id-direttiva l-ġdida, il-protezzjoni tal-konsumatur se tkun l-aktar b’saħħitha fid-dinja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport