Monday, May 13, 2024

“Il-protezzjoni tal-minuri hija responsabbiltà ta’ kulħadd”

Id-Direttriċi l-ġdida tad-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri fi ħdan l-FSWS, Antonella Mizzi

Aqra wkoll

It-tfal kollha ħaqqhom li jkunu kuntenti u protetti fil-ħajja tagħhom u li jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba. Però sfortunatament din mhux ir-realtà ta’ kull tifel u tifla.

Fil-fatt, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri operat mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) jirċievi mal-200 rapport ta’ każijiet t’abbuż fix-xahar. 

Dwar dan u aktar, Maria Azzopardi tkellmet mad-Direttriċi l-ġdida tal-Direttorat tal-Protezzjoni tal-Minuri, Antonella Mizzi.

Sfortunatament, mhux kull tifel u tifla f’pajjiżna għandu x-xorti li jgħix f’ambjent sikur u kuntent. Għaldaqstant, jeżisti d-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri operat mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. X’funzjoni għandu dan id-Direttorat u kif wieħed jista’ jirreferi għal dan is-servizz?

​Id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri operat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali jopera taħt il-proveddimenti legali tal-Att 602 magħruf bħala l-Att għall-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva) fil-liġijiet ta’ Malta. Dan id-direttorat jinqasam f’erba’ servizzi prinċipali: 

is-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal li huwa s-servizz illi jinvestiga rapporti ta’ maltrattament fuq it-tfal. Dawn jinkludu rapporti dwar vjolenza fuq it-tfal; kuntatt sesswali ta’ kull tip; traskuraġni, abbuż emozzjonali u psikoloġiku u anke tfal li jaraw vjolenza domestika d-dar u fil-familji tagħhom. ​

is-Servizz tal-Qrati illi jaqdi l-ħtiġijiet ta’ assessjar għall-Qrati tal-Familja f’Malta u Għawdex. Dan is-servizz jeżamina l-andament ta’ familja li qed tissepara, u minn hemm joħroġ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jservu lil minuri li huma maqbudin f’dawn il-proċedimenti. Dan is-servizz jagħmel l-almu tiegħu biex joffri analiżi rigoruża illi verament tħares lejn il-kuntest mill-perspettiva tal-minuri, u dan isir billi jintużaw evalwazzjonijiet tad-dinamiċi tal-familja, tal-aspetti ta’ kura; tal-psikoloġija tal-ġenituri u anke tal-preparazzjoni tal-ġenituri illi jikkoperaw ma’ xulxin għall-benesseri ta’ uliedhom.

Iċ-Children House li hija intiża biex isservi ta’ estensjoni tal-Qrati ta’ Malta meta jkun hemm il-ħtieġa li jagħtu x-xhieda tagħhom il-minuri. Il-funzjoni ta’ din id-dar illi sservi ta’ spazju li hu maħsub għat-tfal u li jkun mgħammar, kemm f’sens ta’ proċedura u kemm f’sens estetiku, b’tiżjin li jakkomoda lit-tfal. Din id-dar tipprova taġġusta l-proċess ġudizzjarju, li huwa magħruf għal kemm jintimida lit-tfal, biex it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod ġust f’dawn il-proċeduri li tant jaffetwawhom. Dan kollu jsir b’mod illi ma jipperikolax lanqas il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-Qorti.

Is-Servizz għad-dimensjoni internazzjonali ta’ Protezzjoni tat-Tfal illi jieħu ħsieb rapporti li jirrigwardjaw serq ta’ tfal; traffikar tat-tfal; female genital mutilation; tfal li huma sfurzati biex jiżżewġu qabel iż-żmien; abbuż onlajn; u anke applikazzjonijiet ta’ kura u kustodja għall-minuri li ma jkunux akkumpanjati f’każijiet ta’ migrazzjoni.​

Minħabba l-obbligu ta’ rappurtaġġ illi joħroġ mill-istess Att imsemmi hawn, il-professjonisti kollha jridu jirrappurtaw kwalunkwe informazzjoni jew suspett ta’ inċidenti fejn minuri qed isofri, jew qiegħed f’riskju li jsofri, weġgħat u tbatija minn abbuż fiżiku, emozzjonali, sesswali, traskuraġni jew abbuż li jinqala’ minħabba ħsara li żewġ adulti qed jagħmlu lil xulxin. 

Il-funzjonijiet tad-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri jinvolvu li barra li ssir investigazzjoni tar-rapporti li jirċievi s-servizz, id-Direttur jaġixxi fl-aħjar interess tal-minuri li jkun f’riskju ta’ maltrattament anke jekk mhux ċittadin Malti u li jisma’ l-opinjonijiet u x-xewqat tal-istess minuri. 

Hu importanti li l-professjonisti fi ħdan id-Direttorat jikkollaboraw ma’ dawk kollha involuti fil-protezzjoni tal-istess minuri li jkun f’riskju ta’ abbuż. Hu wkoll l-obbligu tad-Direttorat li jieħu azzjoni fejn hemm bżonn u li jiggwida lill-ġenituri u lill-familjari tal-minuri li jinsab f’riskju fuq metodi ta’ dixxiplina iktar pożittivi u stil ta’ trobbija li tipproteġi lill-minuri.

QUOTE: Għall-kuntrarju ta’ dak li ħafna jaħsbu, l-iskop ewlieni tad-Direttorat mhux li minuri jittiehdu mill-kustodja tal-ġenituri tagħhom imma li jingħata sapport u edukazzjoni lill-ġenituri biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lil uliedhom aħjar partikolarment biex joffrulhom sigurtà u protezzjoni mill-abbuż.

Bħala d-Direttur il-ġdid ta’ dan id-Direttorat, xi pjani għandek biex tkompli tmexxi ‘l quddiem dan id-Direttorat?

It-tfal kollha ħaqqhom li jkunu kuntenti u protetti fil-ħajja tagħhom u li jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba. Però sfortunatament din mhux ir-realtà ta’ kull tifel u tifla. Il-pjan tiegħi bħala Direttur huwa li nassigura sistema fejn kemm il-ġenituri jew nies li għandhom it-tfal taħt ir-responsabbilità tagħhom, kif ukoll il-minuri stess, ikunu konxji minn x’servizzi u mezzi hawn għad-disponibbilità tagħhom biex meta jiġu f’diffikultà jkunu jafu fejn imorru u għand min imorru. 

Il-pjan tiegħi huwa wieħed miftuħ fejn nindirizza l-protezzjoni tat-tfal bħala problema mhux ta’ dan id-Direttorat biss imma tas-socjetà kollha. Il-protezzjoni tal-minuri hija responsabbiltà ta’ kulħadd. It-tfal tal-lum huma l-ġenerazzjoni ta’ għada u għalhekk bħala ċittadini u nies parti minn dan in-nazzjon għandna nkunu responsabbli għal benessere tagħhom, kemm dak fiżiku u mediku kif ukoll dak soċjali u psikoloġiku.

Fin-nuqqas li nagħmlu dan, ir-riskju huwa li fid-dinja ta’ għada ma jkunx hawn soċjetà b’saħħitha li tista’ tieħu deċiżjonijiet u tagħti gwida tajba. Għalhekk inħeġġeġ lil kull min jaħdem mat-tfal, irabbi t-tfal jew għandu xi tip ta’ kuntatt mat-tfal biex iħares u jissalvagwardja l-protezzjoni tat-tfal bil-mod kif jagħmel dan id-Direttorat. 

Ix-xogħol ta’ dan id-Direttorat huwa vast u intensiv għaliex it-tfal huma mhux biss vulnerabbli imma importanti ħafna għax huma l-qofol tal-familji tagħna u aħna li għandna l-valur tal-familja għal qalbna konxji li ma nistgħux niżolaw it-tfal mill-ġenituri u rridu nassiguraw għajnuna għall-ġenituri għax b’hekk nassiguraw familji b’saħħithom.

Il-prevenzjoni tal-abbuż u s-sapport f’waqtu lil kull parti tas-sistema involuta fil-ħajja tal-minuri jifformaw il-bażi tal-viżjoni tiegħi bħala Direttur, biex hekk, mhux biss inkomplu nsaħħu x-xogħol siewi li diġà twettaq minn dan id-Direttorat imma wkoll nimirħu fuq livelli oħrajn biex żgur inkunu qed niġġieldu l-battalja għall-protezzjoni tal-minuri b’mod sħiħ u xieraq.  

Finalment, il-pjan tiegħi bħala Direttur huwa li nassigura li kull tifel u tifla jkollhom il-possibiltà li jħossuhom siguri u protetti biex ikunu jistgħu jiżviluppaw bl-aħjar mod possibbli. Biex dan iseħħ hemm bżonn pjan ta’ prevenzjoni, interventi f’waqthom u sapport terapewtiku li jindirizza t-trawma li l-minuri jgħaddu minnha.

Hu wkoll l-obbligu tagħna li nindirizzaw b’mod effettiv fejn qed infallu li noffru l-protezzjoni meħtieġa biex dejjem inkomplu nsaħħu s-servizzi u r-riżorsi li għandna għax filwaqt li t-tfal huma l-futur tagħna, aħna l-preżent tagħhom.

Meta tissemma l-kelma abbuż, wieħed għal x’hiex ikun qed jirreferi eżattament? Liem huwa l-aktar forma ta’ abbuż li jiġi rrappurtat lilkom?

Fid-definizzjoni wiesa’ tagħha, l-abbuż jirreferi għall-att li persuna tagħmel fil-konfront ta’ minuri li b’xi mod tipperikola l-protezzjoni jew billi jinjoraw li l-minuri jkunu qegħdin f’xi forma ta’ riskju. 

Hemm diversi forom ta’ abbuż fosthom dak fiżiku, emozzjonali, abbandun ta’ tfal,  traskuraġni, u dak sesswali. Rapporti ta’ każijiet li jiġu investigati jidħlu minn sorsi differenti. Hemm għadd ta’ rapporti li jidħlu mil-linja telefonika 179, imbagħad ikun hemm numru sostanzjali ta’ rapporti li jidħlu mill-iskejjel, mill-isptarijiet jew ċentri tas-saħħa, mill-pulizija u anke minn qraba. Ikollna wkoll rapporti li jidħlu b’mod anonimu.

Mill-każijiet li jiġu investigati, ikun hemm minnhom fejn ma jinstabx li jkun hemm abbuż imma l-familji ġieli xorta jkun biċ-ċar li għandhom xi diffikultajiet u hemmhekk jingħataw servizzi speċjalizzati skont il-bżonnijiet tagħhom. L-iktar forom ta’ abbużi irrappurtati lid-Direttorat huma l-abbuż fiżiku, traskuraġni u abbuż emozzjonali u ħafna drabi l-minuri jirrappurtaw iktar minn tip ta’ abbuż wieħed.

Qegħdin nesaġeraw illum fuq l-enfasi fuq l-abbuż? Vera li dan hu distruttiv daqs kemm qed jingħad?

Illum hawn informazzjoni fuq x’jiddefinixxi abbuż u x’inhuma l-forom differenti ta’ abbuż. Hawn ukoll servizzi fejn kemm ġenituri, tfal u anke professjonisti li jaħdmu mat-tfal jistgħu jirrikorru għall-għajnuna meta hemm bżonnha. Din mhux enfażi żejda għaliex kien hemm bżonn li t-tfal jiġu protetti kultant minn membri tal-familja stess u llum il-ġurnata hemm anke liġi li tipproteġi lill-minuri u x-xogħol li jagħmel dan id-Direttorat huwa mitlub minn din il-liġi.

It-tfal mhux dejjem ikollhom vuċi u ġieli anke meta jgħidu dak li qed jiġrilhom u x’jixtiequ dan ma jkunx fl-aqwa interess tagħhom għax jaf ipoġġihom f’aktar periklu u għalhekk il-ħtieġa li jiġu salvagwardjati minn liġi ta’ protezzjoni tat-tfal.

Sfortunatament, għal ċertu tfal, ir-realtà tagħhom hi waħda ta’ biża’ u instabbiltà u għalkemm bħala Direttorat isir dak kollu possibbli biex inkunu iktar aċċessibbli għall-vittmi ta’ abbuż, xorta nibqgħu niltaqgħu ma’ diversi sitwazzjonijiet imwiergħa fejn ma ġewx irrappurtati. Żgur l-enfażi fuq l-abbuż mhix waħda esaġerata fejn id-Direttorat jirċievi mal-200 rapport ta’ każijiet ta’ abbuż fix-xahar. 

Fid-Direttorat niltaqgħu ma’ diversi tipi ta’ abbuż fosthom abbuż fiżiku, fejn ġenituri jħossu li l-unika mod li tikkontrolla l-imġieba tat-tfal hija bi swat fiżiku. Niltaqgħu wkoll ma’ każijiet fejn il-ġenituri jonqsu milli jipprovdu affarijiet bażiċi għat-tfal, bħal interventi mediċi, attendenza regolari fl-iskola, ikel u residenza adegwata. Dan ikun ġieli minħabba problemi ta’ saħħa mentali fil-ġenituri, ġieli problemi finanzjarji u ġieli problemi oħrajn bħall-vjolenza fir-relazzjoni u teħid ta’ sustanzi illeċiti jew kriminalità. 

Iktar ma ssir riċerka tul is-snin iktar qiegħed jiġi kkonfermat illi l-abbuż fuq it-tfal huwa ta’ ħsara għat-tfal li jista’ jsarraf fi problemi psikoloġiċi u relazzjoni fil-futur tagħhom.

Għadna ngħixu f’realtà fejn xi ġenituri ma jarawx li s-swat jaqa’ f’kategorija ta’ abbuż. F’każijiet bħal dawn nindunaw li l-iktar li ssir ħsara hija meta barra li hemm is-swat fiżiku hemm nuqqas ta’ mħabba u affezzjoni fil-familja. Tfal li jgħaddu minn dawn l-esperjenzi jkollhom self esteem baxx, ma jkunux jafu jirrelataw man-nies b’mod san għax ħadd ma jkun ħabbhom u jaf ikollhom problemi fir-relazzjonijiet meta jikbru u jafu jsiru aggressivi wkoll ġieli anke lejn il-ġenituri tagħhom stess.

L-abbuż fit-tfulija jwassal biex il-vittmi jgħixu fil-biża’, jiżolaw ruħhom u jitgħallmu li ma jistgħux jafdaw. L-abbuż jista’ wkoll iwassal għall-problemi edukattivi u dipressjoni. Mhux dejjem hu faċli li wieħed jinduna li minuri qed jiġi abbużat għax dawn jitgħallmu kif jaħbu s-sintomi biex jipporteġu lilhom infushom imma normalment ninnutaw bdil fl-imġieba u l-aġir fil-ħajja ta’ kuljum.

Realtà li aktar ma jgħaddi żmien dejjem qed tissemma aktar hija l-parental alienation. Din hija biss buzz word jew realtà li sfortunatament tassew qed tiżdied?

L-aljenazzjoni tal-minuri minn xi ġenitur jew ieħor hija realtà li ġieli niltaqgħu magħha kemm f’familji fejn il-ġenituri qegħdin f’relazzjoni jew fiż-żwieġ u anke f’familji fejn il-ġenituri qegħdin jisseparaw jew itemmu r-relazzjoni tagħhom. Dan għaliex l-aljenazzjoni tat-tfal hija konnessa mal-personalità tal-individwu iktar milli mas-sitwazzjoni li l-ġenituri għaddejjin minnha.

Għaldaqstant parental alienation hija biss qatra waħda minn oċean ta’ abbużi differenti li qegħdin naraw attwalment fuq minuri u għalkemm din hija kelma li qed nisimgħu biha dan l-aħħar, ta’ min wieħed jirrimarka li huwa fenomenu li ilna snin naraw u li dejjem ġie indirizzat b’mod professjonali bħal tipi ta’ abbużi oħrajn.

Xi kultant is-sistema stess tista’ twassal għall-aljenazzjoni għax l-istess interventi jkunu qed iwasslu għal iktar pika bejn il-ġenituri. Hu importanti li biex verament tkun indirizzata l-aljenazzjoni, is-servizzi soċjali, terapewtiċi u legali jaħdmu flimkien fejn l-aqwa interess tal-minuri tkun fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li tittieħed. 

Individwi li jkollhom tħassib fuq il-protezzjoni tal-minuri jistgħu jagħmlu kuntatt mas-servizz fuq Supportline 179 jew dirett mas-Servizz billi jċemplu fuq 21492348 jew billi jidħlu fuq is-sit elettroniku www.fsws.gov.mt

Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Sport