F’Malta, fejn il-festi jżejnu kull raħal u belt b’kuluri, ħoss u spiritwalità, hemm istituzzjoni waħda li ilha għal snin twal isservi ta’ spalla kulturali u soċjali għall-komunitajiet tagħna – is-soċjetajiet mużikali tal-baned. Dawn mhumiex biss gruppi ta’ mużiċisti, iżda ċentri ta’ identità lokali, patrimonju kulturali u għaqda komunitarja.
Ir-rwol tal-banda jmur ferm lil hinn minn sempliċi akkumpanjament għall-festa titulari. Hija wkoll skola tat-tagħlim mużikali, forma ta’ espressjoni artistika u spiss, mezz ta’ inklużjoni soċjali. Ħafna żgħażagħ Maltin jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja mużikali permezz ta’ dawn il-baned fejn jitgħallmu dixxiplina, impenn u ħidma f’tim. Dawn huma valuri li jmorru lil hinn mill-mużika.
Huwa proprju għalhekk importanti li s-soċjetajiet mużikali tagħna jkunu protetti u mġedda. F’dawn l-aħħar snin il-Gvern ħa ħsieb li jinvesti billi jixtri numru ta’ soċjetajiet mużikali f’riskju ta’ żgumbrament. F’riskju li jagħlqu l-bibien tagħhom għax ma jkollhomx triq oħra u nitilfuhom. Dan ir-riskju jmiss b’mod dirett it-tiġdid tal-kultura u l-identità Maltija. Ma rridux ninsew li l-festi huma valur kbir mhux biss għalina bħala Maltin u Għawdxin, imma huma wkoll rikonoxxuti u ferm apprezzati mill-UNESCO. Għaldaqstant, investiment fihom u dak kollu importanti marbut magħhom, huwa investiment fl-identità u l-preġju tagħna bħala poplu.
Il-baned għandhom ukoll rwol edukattiv kif ukoll wieħed ta’ konservazzjoni. Huma l-ġustifikazzjoni ħajja ta’ tradizzjonijiet mużikali li minkejja l-influwenzi moderni, għadhom jitgawdew minn ġenerazzjoni għall-oħra. Huwa ta’ sodisfazzjon u tama meta naraw tant żgħażagħ interessati li jidħlu b’ruħhom u ġisimhom f’dawn is-soċjetajiet. Dawn iż-żgħażagħ egħdin iġeddu tradizzjoni tant importanti.
Tajjeb li naċċennaw għall-fatt li s-soċjetajiet mużikali tagħna joffru wkoll spazju fejn il-komunità tissieħeb, tirrifletti u tiċċelebra flimkien. Il-banda hija wkoll post ta’ laqgħa, ta’ volontarjat u ta’ appoġġ għal min ikun fil-bżonn. Fil-fatt, f’ħafna każijiet, dawn l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħol simili għal dak ta’ għaqdiet mhux governattivi. Dan b’mod speċjali fil-formazzjoni taż-żgħażagħ tagħna u fil-promozzjoni tal-valuri komunitarji.
F’dinja li qiegħda dejjem tinbidel u għaddejja b’pass tant mgħaġġel, nemmnu li s-soċjetajiet mużikali jibqgħu sisien sodi fil-kultura Maltija u li huma punt ta’ referenza li jgħaqqad il-passat mal-preżent. Għaldaqstant, il-ħidma tagħhom għandha tiġi apprezzata, imħarsa u appoġġjata b’mod konkret. Dan kemm mill-istituzzjonijiet, kif fil-fatt qiegħed isir, kif ukoll minna lkoll bħala soċjetà u fil-komunità.
Dan għax il-banda mhiex biss nota mużikali fi triq mimlija bnadar imma, hija vuċi ta’ poplu, memorja kollettiva u nifs kulturali li għandu jibqa’ jgħolli u jirrifletti l-isbaħ valuri tagħna bħala nazzjon.