Il-psikjatri jgħidu li Theuma kien għadu jbati minn ansjetà u rimors wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Aqra wkoll

Il-psikjatri li eżaminaw lil Melvin Theuma wara l-attentat tiegħu ta’ suwiċidju fl-2020 qalu fil-qorti li, minkejja l-kundizzjoni psikoloġika tiegħu, hu kien mentalment kapaċi biex jixhed fil-kawża dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. It-tliet esperti — Jean Pierre Giorgio, Ethel Felice u George Debono — spjegaw lill-ġurati li meta evalwaw lil Theuma fl-2020 u fl-2021, hu kien għadu qed ibati minn ansjetà, biża’ u rimors qawwi dwar ir-rwol tiegħu fl-assassinju.

Skont it-tobba, Theuma qalilhom li qabel il-qtil kien jaf x’kien se jiġri, iżda wara li seħħ id-delitt “infetħulu għajnejh” u rrealizza l-gravità ta’ dak li kien involut fih. Il-psikjatri qalu li Theuma kien qalilhom li wara l-qtil mar għand Yorgen Fenech u qallu: “Se jaqbduna. Se nitlef kollox, anke lil ibni.”

Skont ix-xhieda tagħhom, Fenech kien tah mediċina kontra l-ansjetà biex jikkalma, u wara Theuma beda jieħu l-mediċina flimkien mal-whisky. Il-qorti semgħet ukoll dettalji dwar l-attentat ta’ suwiċidju ta’ Theuma f’Lulju tal-2020, jum qabel kellu jerġa’ jitla’jixhed.

It-tobba qalu li Theuma kien qalilhom li l-ewwel xorob flixkun aċtu, imbagħad ipprova jaqta’ għonqu u wara fera lilu nnifsu f’żaqqu b’sikkina. Huma qalu li mbagħad ipprova jaqbeż minn gallarija iżda ma rnexxilux minħabba d-demm li kien hemm.
Theuma kien ittieħed l-isptar Mater Dei bi ġrieħi serji.

Skont il-psikjatri, hu kien qal ukoll li xtaq li Matthew Caruana Galizia xi darba jaħfirlu. Minkejja l-kundizzjoni tiegħu, Theuma kien meqjus kapaċi jixhed. Il-psikjatri spjegaw li l-għan tal-eżami tagħhom ma kienx biex jivverifikaw jekk dak li qal Theuma kienx veru jew le, iżda biex jiddeterminaw jekk kienx kapaċi jifhem u jagħti x-xhieda tiegħu.

Huma kkonkludew li, minkejja d-disturb ta’ ansjetà u dipressjoni li kien żviluppa, Theuma kien mentalment kapaċi biex jixhed. Madankollu, irrakkomandaw li s-seduti tal-qorti ma jkunux twal wisq minħabba l-istat emozzjonali tiegħu.

Grupp WhatsApp ma’ Fenech, Schembri, Valletta u Cuschieri

Aktar tard fis-seduta, il-ġurati raw ukoll grupp WhatsApp li nstab fuq il-mobile ta’ Yorgen Fenech bl-isem “No Valletta, No Party”. Il-grupp kien jinkludi lil: Yorgen Fenech; l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta; l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri; l-eks CEO tal-MFSA Joseph Cuschieri; Kenneth Azzopardi.

Il-qorti ġiet murija wkoll ritratt li kien juri lil Fenech ma’ Cuschieri, kif ukoll filmat li fih Cuschieri u Kenneth Azzopardi jidhru jinżlu minn fuq id-dgħajsa ta’ Fenech f’Portomaso. L-Ispettur Brian Paul Camilleri kkonferma l-eżistenza tal-grupp iżda qal li ma jiftakarx il-kontenut tiegħu.

L-imħallef twissi lill-avukati dwar l-imġiba tagħhom

Is-seduta kienet ikkaratterizzata wkoll minn diversi argumenti bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, li wasslu lill-Imħallef Edwina Grima biex twissi lill-avukati dwar l-imġiba tagħhom. Aktar kmieni, il-prosekutur Godwin Cini u l-avukat tad-difiża Charles Mercieca nstabu ħatja ta’ disprezz lejn il-qorti u ngħataw multa ta’ €50 kull wieħed wara argument dwar xi dokumenti.

L-imħallef qalet li l-avukati donnhom kienu qed jinsew li kienu qed jipparteċipaw fi proċess solenni quddiem ġurija u wissiet li aktar inċidenti simili jistgħu jwasslu għal pieni oħra.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport