Saturday, December 21, 2024

Il-pubbliku għadu jrid jara l-istejjer ta’ Agatha Christie

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa, kien hemm dwell bejn żewġ films ġodda fil-box office Amerikana: il-film ispirat mill-ktieb ta’ Agatha Christie li ħareġ fl-1937, “Death on the Nile” u l-kummiedja romantika ta’ Jennifer Lopez, “Marry Me”.  Iż-żewġ films kienu aktar immirati għall-udjenza mhux żagħżugħa.  Almenu l-Amerikani komplew jikkonfermaw li l-kummiedja romantiċi mgħadhomx tant huma popolari.  “Death on the Nile” kellu dħul ta’ $12.8 miljun u spiċċa fil-quċċata.  “Marry Me” kellu dħul ta’ $8 miljun u okkupa t-tielet post.  Wisq probabbli ġie affettwat bil-fatt li “Marry Me” kien disponibbli fuq il-platform Peacock.

Bejniethom spiċċa “Jackass Forever”, b’ “Spider-Man: No Way Home” u “Sing 2” jokkupaw ir-raba’ u l-ħames post rispettivament.  It-thriller ġdid ta’ Liam Neeson, “Blacklight” ma ntlaqax tajjeb.

Death On the Nile

Dan hu t-tieni film ta’ Kenneth Branagh fejn jidderieġi u għandu l-parti prinċipali tad-detektiv fittizju Belġjan maħluq minn Agatha Christie, Hercule Poirot.  

F’Novembru tal-2017, konna rajna “Murder on the Orient Express” li parti żgħira minnu kienet inħadmet hawn Malta.

“Death on the Nile” kellu triq raffa qabel wasalna biex narawh.  Id-data tad-debutt ġiet posposta sitt darbiet f’dawn l-aħħar sentejn, ġieli minħabba l-pandemija u agħar minħabba s-sehem ta’ Armie Hammer.  Dan l-attur safa akkużat b’stupru vjolenti fuq mara ta’ 24 sena li kellu relazzjoni magħha fuq firxa ta’ 4 snin.  Billi “Death on the Nile” kien ġie iffilmjat meta ħarġet l-aħbar, id-Disney iddeċidew li ma jerġgħux jiffilmjaw ix-xeni tiegħu b’attur differenti imma jnaqqsu l-importanza tal-karattru.

Armie Hammer għandu l-parti tal-playboy Simon Doyle.  Fil-bidu tal-film narawh jinnamra ma’ Jacqueline De Bellefort (Emma Mckey) imma jispiċċa jiżżewweġ lil Linnet Ridgeway (Gal Gadot), l-akbar ħabiba ta’ Jacqueline. Il-qamar il-għasel jgħadduh fuq l-S.S. Karnak fix-xmara Nil.  Il-problema kienet li kull fejn imorru titfaċċa Jacqueline u din toħloq tensjoni kbira f’Linnet.    

Fuq l-S.S. Karnak iseħħu tliet delitti u kollox jaqa’ fuq spallejn Hercule Poirot sabiex isib min kien wara dawn l-omiċidji.  11 huma n-nies suspettati.

Ipparagunat ma’ “Murder On The Orient Express”, “Death On The Nile” hu aħjar.  Tipikalment ta’ films imnebbħa mir-rumanzi ta’ Agatha Christie, il-film jiżviluppa b’pass kajman, b’attenzjoni partikolari għal kull dettal u kull kelma li tingħad.

Għalkemm l-intenzjoni ta’ Kenneth Branagh kienet li jiffilmja ġol-Eġittu, huwa beda jsibha diffiċli li jieħu t-tim tal-produzzjoni hemmhekk.  Ikkunsidra li jmur il-Marokk imma finalment, iddeċieda li joħolqu x-xeni tal-Eġittu bil-piramidi b’kollox f’Longcross Studios li hemm f’Surrey, l-Ingilterra.  Responsabbli minn dan kollu kien il-Production Designer Jim Clay.  Biex seta’ jagħmel dan, xorta ħa s-second unit fl-Eġittu biex jiġbed xi xeni madwar il-monument ta’ Ramesses II qabel inbena is-sett ta’ Abu Simbel fil-backlot ġol l-Ingilterra.

L-ewwel livelli tal-piramida inbnew bħala sett bil-parti ta’ fuq inħolqot pemezz ta’ effetti viżwali tal-veru monument.  Ix-xena tas-suq Eġizzjan inħolqot fil-Cotswolds.

Għal dawk li huma kurjużi għala Hercule Poirot għandu l-mustaċċi, jistgħu jaqtgħu l-kurżita fil-prologu li għandu dan il-film.

Gwida għal min ser jara dan il-film: 12A (persuna taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xeni ta’ vjolenza moderata u referenzi għas-sess.

Marry Me

Wara assenza ta’ kważi tlitt snin, Jennifer Lopez tirritorna f’kummiedja romantika mużikali “Marry Me”.

Lopez għandha l-parti ta’ Kat Valdez.  Tkun kantanta magħrufa u quddiem udjenza kbira ta’ ammiraturi, hi tkun ser tiżżewweġ lill-kantant magħruf Bastian.  Din il-parti hi maħduma mill-kantant Kolumbjan magħruf bħala Maluma.

Ftit sekondi qabel kellhom iwegħdu l-imħabba għal xulxin, Kat issir taf b’vidjo li mar viral fuq l-internet fejn l-għarus tagħha ibus l-assistenta ta’ Kat.  Din tiddeċiedi li tabbanduna iż-żwieġ ma’ Bastian.  Kat tkun ser titlef rasha imma biex ma tgħarraqx is-sitwazzjoni aktar, tinnota lil Charlie (Owen Wilson) fl-udjenza iġorr is-sinja ‘Marry Me’ (l-isem tal-kanzunetta) u tistiednu jiġi magħha fuq il-palk.  B’sorpriża għal kulħadd, anke tistiednu li jiżżewwiġha.

Bil-preżenza ta’ żewġ kantanti, Jennifer Lopez u Maluma, ma setgħax jonqos li l-film ikollu kanzunetti oriġinali għal dan il-film.  

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Kat Cairo, waqt li kienu qed jiffilmjaw dan il-film, Maluma kellu kunċert f’Madison Square Garden u iddeċidew li Jennifer Lopez tieħu sehem u jinterpritaw ‘Marry Me’ hemmhekk u jiffilmjawha fil-preżenza tal-ammiraturi kollha ta’ Maluma li ħonqu din l-arena maestuża f’Manhattan.

L-akbar problema tal-film hi l-parti tanpnofs li hi tedjanti.  Jinġabar b’mod sentimentali lejn l-aħħar.

Gwida għal min ser jara dan il-film: 12A (persuna taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih referenzi għas-sess u kliem mhux xieraq.

Ekonomija

Sport