Thursday, December 11, 2025

Il-pubbliku mistieden jaqsam l-ideat tiegħu dwar tliet parks nazzjonali ġodda

“Illum l-ewwel jum ta’ proġett fantastiku għall-familji” - il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli taw bidu għall-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali, fejn stiednu lill-pubbliku jaqsam l-ideat tiegħu fuq is-sit, parksinmalta.mt.

F’attività fil-White Rocks, flimkien ma’ 80 tifel u tifla minn tliet kulleġġi differenti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum l-ewwel jum ta’ proġett fantastiku għall-familji li bih se nagħtu fost oħrajn il-White Rocks lura lill-poplu. Spjega li l-Gvern ried jibda l-konsultazzjoni mat-tfal u ż-żgħażagħ li se jkunu huma fost dawk li se jgawdu minn dawn l-ispazji miftuħa sbieħ u għalhekk irridu nisimgħu mingħandhom kif għandhom jinbidlu dawn il-postijiet f’parks nazzjonali.

Dr Abela spjega kif f’pajjiżna għandna iżjed minn mitejn spazju miftuħ. Il-pajjiż illum għandu ekonomija b’saħħitha li tippermettilu li jagħmel dak kollu possibbli biex anki fejn hemm obbligi li saru fil-passat, il-Gvern jirnexxielu jagħti lura lill-poplu tliet postijiet biex il-familji jgawdu mal-għeżież tagħhom. Hawn semma l-White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell li fuqhom il-Prim Ministru Robert Abela ta impenn politiku li jingħataw lura lill-poplu.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif permezz tal-parksinmalta.mt, in-nies qed jiġu mistiedna jagħtu l-ideat tagħhom dwar x’jixtiequ jaraw f’dawn is-siti. “Din il-konsultazzjoni pubblika hija parti mill-pjan ta’ dan il-Gvern biex il-White Rocks, flimkien ma’ Manoel Island u Fort Campbell, jinbidlu f’parks nazzjonali. Nemmnu li biex tassew nagħtuhom lura lin-nies, dawn il-parks iridu jitfasslu skont ix-xewqat tan-nies, ta’ uliedna fuq quddiem nett”, qalet il-Ministru Dalli.

L-ewwel attività ta’ konsultazzjoni pubblika saret fil-White Rocks, post b’daqs ta’ 369,000 metru kwadru, li sa ftit taż-żmien ilu kien maħsub għal żvilupp ekonomiku. Il-Gvern se jkun qed jirtira s-sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-White Rocks, sabiex minflok isir park nazzjonali għat-tgwadija tan-nies.

Fost l-ideat li t-tfal għaddew lill-Prim Ministru dalgħodu kien hemm li fil-Park Nazzjonali tal-White Rocks jinħolqu faċilitajiet sportivi bħall-basketball court u skatepark kif ukoll postijiet fejn jiġi pprattikat sport u logħob tradizzjonali bħall-boċċi u passju. Intqal li l-Park Nazzjonali għandu jinkludi żoni ddedikati għat-tfal bl-awtiżmu u aċċessibilità xierqa għall-persuni b’diżabilità. Studenti oħra semmew il-ħtieġa li l-White Rocks ikollu faċilitat għall-picnics u żoni għall-annimali domestiċi, b’emfasi fuq il-konservazzjoni tal-flora u fawna naturali u l-ħarsien ta’ insetti u pjanti indiġeni, proġett agrikolu għat-tkabbir ta’ ħaxix frisk u  mużewijiet ta’ kultura fil-binjiet eżistenti.

Permezz ta’ ‘idea wall’, l-istudenti mill-kulleġġi ta’ Santa Clara, Marija Reġina u San Nikola, kellhom l-opportunità li jkunu l-ewwel individwi li jaqsmu l-aspirazzjonijiet għal dan il-park. Huma ngħataw iċ-ċans li jiskopru aktar dwar il-post u jimmaġinaw x’jista’ jsir. Dan grazzi għal numru ta’ attivitajiet li Project Green organizzat speċifikament għalihom bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-pubbliku huwa mistieden li jieħu sehem f’din l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni pubblika billi jżur parksinmalta.mt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport