Omm li tgħid li tbassar il-futur u għalliema tal-feng shui, ġiet akkużata flimkien ma’ bintha li allegatament iffrodaw kważi 70 miljun dollaru Awstraljan minn persuni vulnerabbli Vjetnamiżi fl-Awstralja.
L-omm, ta’ 53 sena, ġiet arrestata fis-subborg ta’ Dover Heights f’Sydney nhar l-Erbgħa, flimkien ma’ bintha, ta’ 25 sena. Il-pulizija qed tgħid li ż-żewġ nisa kienu parti intrinsika minn sindikat sofistikat ħafna ta’ frodi u ħasil ta’ flus.
L-omm allegatament ikkonvinċiet lill-vittmi tagħha biex jieħdu self, li minnu kienet iżżomm sehem hi stess, billi qaltilhom li bassret li xi ħadd minnhom se jsir “biljunarju” fil-futur.
Hija ma ngħatatx l-ħelsien mill-arrest minħabba li kellha tidher il-qorti f’dawn il-jiem. Bintha ngħatat il-ħelsien mill-arrest bil-każ kontriha jkompli fil-qorti f’Jannar li ġej.
L-omm qed tiffaċċja 39 akkuża fosthom li ddireġiet l-attivitajiet ta’ grupp kriminali u li kisbet vantaġġ finanzjarju b’mod diżonest permezz ta’ qerq.
Bintha ġiet akkużata b’seba’ reati fosthom li ttrattat b’mod traskurat ir-rikavat minn kriminalità u li kienet parti minn grupp kriminali.
Matul l-arrest kmieni filgħodu mid-dar multimiljunarja fejn kienu joqogħdu l-omm u l-bint, il-pulizija kkonfiskat dokumenti finanzjarji, mobiles, handbags lussużi, ingott tad-deheb ta’ 40 gramma li jiswa £5,000 u $6,600 Awstraljan f’ċipep tal-każinò.
Skont ma qalet il-pulizija, l-omm kienet membru influwenti u fdata tal-komunità tagħha u bħala fortune teller, kienet taqra x-xorti lill-klijenti, li wħud minnhom żvelaw li kienu f’diffikultajiet finanzjarji.
Bħala parti mill-arrest nhar l-Erbgħa, l-investigaturi ffriżaw ukoll madwar 15-il miljun dollaru awstraljan f’assi, li żiedu mas-60 miljun f’assi diġà kkonfiskati minn investigazzjoni usa’ fis-sindakat is-sena l-oħra.
Aktar minn tużżana persuni diġà ġew arrestati, akkużati b’firxa ta’ reati inkluż frodi u ħasil ta’ flus, f’dak li huwa maħsub li huwa wieħed mill-akbar każijiet ta’ din ix-xorta fl-Awstralja.
Il-pulizija qalet li qed tistenna li tagħmel aktar arresti b’enfasi fuq il-“faċilitaturi professjonali” tal-grupp kriminali inklużi avukati, accountants u żviluppaturi tal-proprjetà.

