Il-Pulizija Awstraljana ddefendiet l-azzjonijiet vjolenti tagħha waqt protesta kontra żjara mill-president Iżraeljan Isaac Herzog fl-Awstralja. Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New South Wales Mal Lanyon qal li l-uffiċjali wrew “trażżin notevoli” u żied jgħid li “għamlu dak li kellhom jagħmlu”.
Filmat li beda jiċċirkola online wera l-pulizija tattakka u tagħti daqqiet ta’ ponn lil dimostranti waqt ir-rally f’Sydney nhar it-Tnejn filgħaxija, b’membru parlamentari tal-istat fost dawk li ndarbu fil-ġlied. Il-pulizija qalet li 27 persuna ġew arrestati, b’disgħa minnhom aktar tard jaffaċċjaw akkużi.
Aktar qabel, l-organizzaturi tal-protesta kienu fallew fl-attentat tagħhom fil-Qorti biex iwaqqfu u jdawru s-setgħat tal-pulizija li jillimitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw waqt iż-żjara ta’ Isaac Herzog.
Il-Gvern stieden lil Herzog biex iżur l-Awstralja wara attakk antisemitiku f’Bondi Beach, bil-ħsieb li din iż-żjara kienet se tgħin lill-komunità Lhudija tfiq, minkejja l-oġġezzjonijiet minn gruppi favur il-Palestinjani.
Ħmistax-il persuna, inkluża tifla ta’ għaxar snin, inqatlu fl-14 ta’ Diċembru li għadda wara li żewġt irġiel armati fetħu n-nar u sparaw lejn folol li kienu qed jattendu avveniment li jiċċelebra l-festival Lhudi ta’ Hanukkah.
Filmati tal-protesti barra l-Muniċipju ta’ Sydney u ż-żoni tal-madwar – il-pulizija qalet li attendew 6,000 filwaqt li l-organizzaturi qalu li kienu 50,000 – juru diversi konfrontazzjonijiet fiżiċi bejn il-pulizija u l-protestanti, inkluż uffiċjali li taw daqqiet ta’ ponn lill-protestanti.
L-Istat ta’ NSW daħħal restrizzjonijiet fuq il-protesti pubbliċi wara l-isparatura ta’ Diċembru, u ftit jiem qabel ir-rally tat-Tnejn introduċa setgħat addizzjonali ta’ “avvenimenti ewlenin” li effettivament taw lill-pulizija l-awtorità li tagħlaq żoni tal-belt. Ir-regoli ppermettew lid-dimostranti jinġabru iżda pprojbixxewhom milli jimmarċjaw.
Il-Prim Ministru tal-Istat ta’ New South Wales Chris Minns iddefenda r-rispons tal-pulizija, u qal li waqt il-protesta l-awtoritajiet kienu “tpoġġew f’sitwazzjoni impossibbli”.
Miegħu ngħaqad ukoll l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Peter McKenna li qal li l-pulizija kienu mhedda, imbuttati u aggrediti waqt il-ġlied kontinwu u l-pulizija kienu sinifikament inferjuri fin-numru mill-protestanti u n-nies li riedu jaġixxu b’mod vjolenti u offensiv.
Fost il-folla lbieraħ filgħaxija kien hemm id-dimostranta Lhudija Linda Feinberg, li ġiet biex turi solidarjetà mad-dimostranti. Hija esprimiet l-iskantament tagħha għad-deċiżjoni “tassew dannuża” tal-prim ministru Awstraljan Albanese li stieden lil Herzog, waqt li żammet f’idejha kartellun li kien jgħid “Il-Lhud jgħidu le għall-ġenoċidju”.

