Sunday, December 22, 2024

Il-Pulizija Awstrijakka tgħid li sfrattat pjan ta’ attakk waqt il-parata annwali tal-LGBTQ+ fi Vjenna

Aqra wkoll

Tliet persuni suspettati Iżlamiċi ġew arrestati fl-Awstrija wara li allegatament kienu qed jippjanaw li jattakkaw il-parata annwali tal-LGBTQ+.

Il-parata, li saret fil-kapitali Vjenna s-Sibt li għadda, ġibdet lejha ‘l fuq minn 300,000 ruħ. Is-servizzi tas-sigurtà Awstrijaċi qalu li fost dawk arrestati s-Sibt li għadda ġewwa djarhom kien hemm żgħażagħ ta’ 14, 17 u 20 sena.

Għalkemm ma ngħatawx aktar dettalji dwar is-suspettati, intqal li kien hemm armi bħal skieken, mannara, u air guns ġew ikkonfiskati mill-pulizija.

Omar Haijawi-Pirchner, li jmexxi t-Taqsima tal-Intelliġenza Domestika tal-Awstrija, żvela dawn l-arresti waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-Ħadd li għadda.

Huwa qal li l-pulizija stenniet biex tiżvela d-dettalji tal-attakk kif ippjanat sa wara l-parata sabiex tiżgura li l-parteċipanti ma jħossuhomx anzjużi. “Dak hu fl-aħħar mill-aħħar l-għan tat-terroriżmu, li jikkawża l-ansjetà u l-biża’ fost il-pubbliku. Huwa xogħolna li ma nħallux li dan iseħħ.”

Haijawi-Pirchner qal li l-irġiel kienu ċittadini Awstrijaċi ta’ oriġini Bosnjaka u Ċeċena u li wieħed minnhom diġà kien magħruf mal-pulizija minħabba akkużi oħra dwar terroriżmu.

Żied jgħid li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu konxji li ‘l hekk imsejjaħ stat iżlamiku (IS) kien qed iħeġġeġ għal aktar attakki. “Hemm sejħiet biex jerġgħu jitwettqu attakki fl-Ewropa u l-Europol ftit jiem ilu ppubblikat rapport f’dan ir-rigward,” huwa qal. “Qed nieħdu dan kollu b’serjetà kbira.”

L-aħħar attakki tal-IS fl-Awstrija seħħ f’Novembru tal-2020, meta raġel armat fetaħ in-nar f’żona popolari fi Vjenna u qatel erba’ persuni filwaqt li darab 23 oħra.

Ekonomija

Sport