Saturday, December 21, 2024

“Il-Pulizija bi żviluppi ġodda fuq persuni li qabel ma kinux magħrufa b’rabta mad-delitt”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dejta estratta mill-apparat elettroniku ta’ Yorgen Fenech tat lill-pulizija xejriet ġodda fuq persuni li jistgħu jkunu marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud fl-inkjesta pubblika li għaddejja b’rabta ma’ dan id-delitt.

Fis-seduta tal-bieraħ, Arnaud qal li dejta estratta mill-Europol mill-apparat elettroniku ta’ Fenech dalwaqt se tiġi ppreżentata bħala evidenza fil-kumpilazzjoni kontra s-suspettat fil-qtil.

Huwa qal li d-dejta, li qed tiġi analizzata mill-pulizija Maltija u l-Europol, tista’ tgħin biex tifhem ċerti aspetti tar-reat.

Mistoqsi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jekk id-dejta wasslitx għal żviluppi ġodda, minbarra dawk marbuta ma’ persuni diġà arrestati, Arnaud wieġeb: “Hemm żviluppi ġodda li jistgħu jwasslu għal nies oħrar li b’xi mod setgħu kienu involuti fil-qtil. Mhux neċessarjament tikkonċerna lil nies magħrufa fl-investigazzjoni sa issa.” 

L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia hija inkarigata, fost affarijiet oħra, biex tiddetermina jekk l-Istat għamilx dak kollu li seta’ biex il-qtil ma’ jseħħx. 

L-inkjesta hija mmexxija mill-Imħallef irtirat Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Ekonomija

Sport