Sunday, December 22, 2024

Il-Pulizija b’sejba ta’ mijiet ta’ qratas tad-droga lesti għat-traffikar u 67 immigrant illegali

Aqra wkoll

Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fuq ir-remissi li jinsabu fi Triq il-Ġerrejja, fil-Marsa, il-Pulizija ċċirkondat remissa li allegatament qiegħda tintuża għall-bejgħ tad-droga. Hawnekk, il-Pulizija sabet raġel, li ġie arrestat u minn tfittxija li saret fil-post instabu 385 qartas kokaina; 250 qartas eroina; u 45 qartas ta’ kannabis sintetika, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu.

Fl-istess remissa nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, mutur li kien irrapportat misruq, ponn tal-ħadid, sikkina, kif ukoll ġew elevati numru ta’ mobiles, apparat ta’ cctv cameras, kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.

Dan hekk kif matul il-lejl li għadda l-Pulizija wettqet operazzjoni bħala parti mill-ħidma kontra attivitajiet kriminali, b’mod partikolari t-traffikar tad-droga, kriminalità organizzata u immigrazzjoni irregolari.

Kienet ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija, li bdiet ftit wara t-8:00 p.m., u ntemmet għall-ħabta tas-01:00 a.m. L-operazzjoni kienet iffukata fuq stabbilimenti, remissi u residenzi fil-Marsa, il-Ħamrun u n-Naxxar.

Intant, l-operazzjoni mid-diversi taqsimiet tal-Pulizija fil-Marsa u l-madwar saret ukoll b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari. Minn spezzjonijiet illi saru f’diversi toroq, ġew arrestati 67 persuna li kienu qegħdin jgħixu Malta illegalment. Bl-assistenza tal-uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni, dawn ittieħdu f’ċentru ta’ detenzjoni u beda proċess immedjat biex dawn jiġu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini jew fil-pajjiż li legalment jistgħu jirrisjedu fih.

Sar ukoll arrest b’rabta mal-prostituzzjoni. Hawnekk ġew konfiskati mal-€4,600 fi flus kontanti.

B’rabta mal-operazzjoni tal-Pulizija fil-Marsa, saret ukoll tfittxija f’residenza fin-Naxxar. Hemmhekk il-Pulizija sabet mal-€10,500 fi flus kontanti, waqt li ġew ikkonfiskati żewġ vetturi, ammont konsiderevoli ta’ ħwejjeġ tad-ditta, ġojjellerija u mobile phones.

B’din l-operazzjoni ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana li qed imexxi inkjesta.

Ekonomija

Sport