Wednesday, July 24, 2024

Il-Pulizija b’taqsima ġdida konta l-vjolenza domestika u abbażi tal-ġeneru

Aqra wkoll

Bdiet topera t-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika fil-Korp tal-Pulizija. Dan ser iwassal biex il-vittmi ta’ reat jingħataw appoġġ mill-aqwa fl-aktar mument vulnerabbli ta’ ħajjithom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet inawgurata uffiċjalment din it-taqsima, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi spjega li llum il-Korp tal-Pulizija huwa mħejji iktar minn qatt qabel biex jgħin lil dawk li jsofru minn din il-pjaga soċjali. “It-twaqqif ta’ din it-taqsima hija xhieda tad-determinazzjoni tagħna biex inbiddlu l-mentalità, mhux biss tal-Korp iżda tas-soċjetà. Però n-nies taf li lesti nisimgħu, lesti nirranġaw fejn hemm bżonn u lesti nkunu iebsa u sodi ma min ma jilħaqx il-livell ta’ servizz li qed nippretendu għall-vittmi ta’ dan ir-reat”, sostna l-Ministru Camilleri.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà saħaq li bit-twaqqif ta’ din it-taqsima qed inżidu l-fiduċja ta’ dawn il-vittmi fil-Korp tal-Pulizija. Dan joħroġ biċ-ċar miż-żieda fir-rapporti riċevuti sa minn mindu twaqqaf dan is-servizz speċjalizzat. “Dan kollu qegħdin nagħmluh biex  nilħqu l-għan prinċipali li għalih neżistu, li nipprovdu aktar sigurtà u serħan il-moħħ lill-poplu Malti u Għawdxi kemm fit-toroq kif ukoll bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom”, spjega l-Kummissarju.

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li t-twaqqif ta’ din it-taqsima fi ħdan il-Korp tal-Pulizija hija xhieda ta’ kemm il-vittmi ta’ vjolenza domestika għandhom fejn jirrikorru għall-għajnuna. “Illum m’għadux iż-żmien li tħossok waħdek. Illum hawn min jismgħek”, sostniet Dr Abela.  Madanakollu fadal ħafna xi jsir, qalet mart il-prim ministru, u l-awtoritajiet iridu jaraw li jkunu verament hemm għal min qed ibati.

Dr Lydia Abela qalet li l-istat irid joffri tama lill-vittmi. “Għalhekk determinata li nużaw dawn is-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu bl-aħjar mod possibbli biex inwasslu messaġġ ta’ kuraġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika bil-għan li jirrapurtaw każijiet ta’ abbuż u jfittxu l-għajnuna li għandhom bżonn”, temmet mart il-prim ministru.

It-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika qed taħdem bi tliet timijiet, 24 siegħa kuljum. Fl-ewwel xahrejn ta’ ħidma din it-taqsima rċeviet aktar minn 270 rapport. 182 minnhom kienu jinvolvu lil nisa filwaqt li 88 rapport saru minn irġiel. 

Ekonomija

Sport