Il-Pulizija Ġermaniża llum qalu li qed iwettqu operazzjoni ta’ rejds f’diversi bliet Ġermaniżi b’rabta ma’ erba’ persuni maħsubin li għandhom rabtiet mal-persuna suspettata li wettqet l-attakk fi Vjenna, f’liema attakk inqatlu erba’ persuni.
Il-Pulizija Awstrijaka qatlet lir-raġel ta’ 20 sena li għandu ċittadinanza doppja Awstrija u Maċedona li preċedentement kien intbagħat il-ħabs wara li pprova jingħaqad mal-Istat Iżlamiku fis-Sirja.
Intant il-Pulizija Ġermaniża fuq Twitter qalet li se tkun qed twettaq tiftix fi djar u negozji fl-ibliet ta’ Osnabrueck, Kassel u fid-distrett ta’ Pinneberg viċin il-belt ta’ Hamburg.
Il-kumment kien jgħid li “m’hemm l-ebda suspett inizjali li l-erba’ persuni affettwati mill-miżuri meħudin illum ħadu sehem fl-attakk, iżda huwa maħsub li kellhom rabtiet mal-persuna li allegatament wettqet l-attakk”.
Anschlagsgeschehen in Wien
— Bundeskriminalamt (@bka) November 6, 2020
BKA-Kräfte durchsuchen seit heute Morgen im Auftrag des @GBA_b_BGH & mit Unterstützung von Polizeikräften aus NI, HE, SH sowie der BPol (GSG9) die Wohn-& Geschäftsräume von 4 nicht tatverdächtigen Personen in Osnabrück, Kassel sowie im Kreis Pinneberg. pic.twitter.com/KI4RTKWAaV
Il-Ministru għall-Intern tal-Awstrija Karl Nehammer qal li l-Iżvizzera arrestat ukoll lil żewġ persuni b’rabta mal-attakk ta’ nhar it-Tnejn li għadda, u l-Awstrija tinsab f’kuntatt ma’ pajjiż ieħor b’rabta mal-investigazzjoni.
Uffiċjali mill-Ministeru żiedu jgħidu li 15-il persuna arrestati fl-Awstrija b’rabta mal-attakk terroristiku jifformaw parti mix-xena radikali Iżlamika.