Tuesday, February 17, 2026

Il-pulizija ingannat raġel meta akkużatu bi qtil 

Aqra wkoll

Evidenza ġdida riċenti fil-każ ta’ raġel li qatta’ 23 sena l-ħabs għal qtil tissuġġerixxi li l-akkużat kien ġie “ffrejmjat” mill-pulizija. Dan billi li kienet taf li x-xhieda ta’ xhud ewlenija tal-prosekuzzjoni fil-ġuri ta’ Omar Benguit b’rabta mal-qtil tal-istudenta Sud-Koreana Jong-Ok Shin kienet direttament kontradetta minn evidenza tal-filmati tas-CCTV. 

L-evidenza turi wkoll li x-xhieda ta’ 13-il xhud ieħor kienet użata biex issaħħaħ il-verżjoni tal-prosekuzzjoni tant li l-pulizija għamlet pressjoni fuqhom biex isostnu d-dikjarazzjonijiet tagħhom u jixhdu falz fil-qorti.

Il-Pulizija ta’ Dorset fir-Renju Unit ma indirizzatx direttament l-evidenza li l-uffiċjali tal-pulizija kienu ingannaw lil Benguit, iżda qalet li l-investigazzjoni tagħha saret “bir-reqqa, dettaljata u kumplessa ħafna”.

L-istudenta Jong-Ok Shin – magħrufa bħala Oki – inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina waqt li kienet miexja lejn id-dar minn nightclub f’Bournemouth fl-2002. Benguit, vizzjat b’passat ta’ reati relatati mad-droga u pussess ta’ skieken, kien instab ħati fit-tielet ġuri fl-2005, wara li żewġ ġurijiet preċedenti ma rnexxilhomx jaslu għal verdett.

Il-BBC investiga dan il-każ għal aktar minn disa’ snin, u kien irrapporta li xi xhieda kienu stqarrew li taw evidenza falza wara li ġew ippressati mill-pulizija. Din ix-xhieda kienet kruċjali għall-prosekuzzjoni peress li ma kien hemm l-ebda evidenza forensika li torbot lil Benguit mad-delitt.

Wara li fela bir-reqqa l-evidenza kollha, Brian Murphy, spettur ditektif irtirat mill-iskwadra tal-omiċidji talab lill-Uffiċċju Indipendenti għall-Kondotta tal-Pulizija biex jinvestiga l-immaniġġjar tal-każ mill-Pulizija ta’ Dorset.

L-eks spettur ewlieni tad-ditektifs, li kien involut f’aktar minn 200 investigazzjoni ta’ qtil, qal li fil-fehma tiegħu l-kundanna ta’ Benguit ma kinitx ġustifikata. 

Des Jenson, l-Avukat ta’ Benguit, qal li jekk il-pulizija ġiegħlu lix-xhieda jigdbu u jixhdu falz, “ifisser li ffabrikaw evidenza u allura għamlu perverzjoni mill-kors tal-ġustizzja”.

Dan il-każ wassal għal pressjoni kbira fuq il-Pulizija ta’ Dorset, minħabba li l-ekonomija ta’ Bournemouth tiddependi ħafna fuq studenti internazzjonali u l-Gvern tal-Korea t’Isfel ried li jinqabad l-allegat qattiel. 

Il-pulizija bnew il-każ tagħhom kontra Omar Benguit madwar ix-xhieda ta’ mara li kienet tabbuża mid-droga. Hija xehdet li fil-lejl tal-qtil, waqt li kienet qed issuq tliet persuni, inkluż Benguit, waqqfet il-karozza wara li għaddiet minn ħdejn Oki u li t-tliet irġiel marru jkellmuha. Huma ppruvaw jipperswadu lill-istudenta biex tmur għal party magħhom u meta rrifjutat, Benguit allegatament qatilha b’daqqiet ta sikkina.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport