Matul il-lejl li għadda, il-pulizija kienu impenjati b’kontrolli ta’ rutina f’diversi toroq madwar Malta.
Fil-lokalitajiet ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-Marsa, l-Imsida u San Ġiljan, il-pulizija sabet erba’ sewwieqa jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol, filwaqt li seba’ xufiera nstabu jsuqu mingħajr liċenzja valida.
Waqt l-istess spezzjonijiet, 17-il vettura nstabu jiġu misjuqa iżjed mil-limitu tal-veloċità permess u nħarġu wkoll 75 kontravenzjoni oħra relatati ma’ ksur differenti tar-regolamenti tat-traffiku.
Jassistu lill-Pulizija f’dawn il-kontrolli kien hemm ukoll l-uffiċjali tal-LESA.
Il-Korp tal-Pulizija jibqa’ kommess li jkompli bil-kontrolli tat-traffiku b’mod regolari f’kull ħin tal-ġurnata, bil-għan li tiġi mħarsa s-sigurtà ta’ dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna.