Sunday, November 24, 2024

Il-Pulizija jsibu raġel għarwien jattakka lis-sieħba bi ħġieġa ta’ mera mkissra

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif uffiċjali tal-Pulizija kellhom jużaw il-forza biex jiftħu bieb ta’ residenza u meta daħlu ġewwa sabu raġel bla ħwejjeġ allegatament jattakka lis-sieħba tiegħu bi ħġieġa ta’ mera mkissra. Il-mara kienet qiegħda tgħajjat għall-għajnuna u malli rat il-pulizija marret tgħannaqhom. 

Dawn id-dettalji ngħataw milll-Ispettur Eman Hayman meta lbieraħ ressaq fil-Qorti raġel ta’ 40 sena mill-Floriana u xlieh li s-Sibt li għadda ħebb u darab gravi gravi lis-sieħba kif ukoll li ssuġġettaha għal avvanzi sesswali mhux mixtieqa u degradanti fuqha.

L-Ispettur Eman Hayman spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienet irċeviet rapport ta’ għajjat u ġlied mir-residenza tal-akkużat. Il-Pulizija marru fuq il-post u hemm sabu mara, li aktar tard kienet identifikata bħala omm l-allegata vittma, barra r-residenza, tħabbat mal-bieb u tgħajjat biex titħalla tidħol.

“L-uffiċjali kellhom jużaw il-forza biex jiftħu l-bieb u hemm sabu lill-imputat, mingħajr ilbies u kien qed iħebb għall-vittma bi ħġieġa mkissra,” qal l-Ispettur Hayman.

L-Avukat Matthew Xuereb, li assista lir-raġel, staqsa lill-Ispettur jekk il-vittma qattx kienet ippreżentat rapport lill-pulizija dwar l-akkużat. “Le ma kinitx”, wieġeb l-Ispettur li żied jgħid li l-filmat mill-body cams tal-pulizija kien jitkellem waħdu.

“L-allegata vittma kienet mitkellma mill-pulizija u kienet tat ukoll rendikont dettaljat tal-inċident lit-tabib li eżaminaha. Il-filmat li rajt wera li l-mara kienet ilha tgħajjat għall-għajnuna minn wara l-bieb. Malli nfetaħ il-bieb, il-mara għannqet lill-uffiċjali,” kompla jispjega l-Ispettur. 

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, liema talba sabet oġġezzjoni min-naħa tal-Ispettur fid-dawl tan-natura gravi tal-akkużi, il-karattru tiegħu u l-“kontroll totali” li l-imputat allegatament eżerċita fuq l-allegata vittma. 

Dr Xuereb qal li l-każ kien wieħed delikat ħafna u li s-sieħba tal-imputat ma riditx li l-pulizija tipproċedi bil-każ kontra r-raġel li kien għaddej minn “perjodu iebes” f’ħajtu u kellu żewġt itfal x’jieħu ħsieb u negozju x’imexxi.

Il-Qorti iżda ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tal-akkużi u l-fedina penali tiegħu li jwassal għal biża’ reali ta’ intralċ ta’ provi li kieku kellu jingħata l-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.

Kien għalhekk li baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Sport