Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-pulizija Kanadiża wettqu l-ewwel arrest ta’ dimostrant li kien parti mill-imblokk ta’ pont importanti li jgħaqqad lil dan il-pajjiż mal-Istati Uniti tal-Amerika. L-arrest seħħ ftit biss wara li l-awtoritajiet Kanadiżi marru fiż-żona inkwistjoni bil-għan li jwaqqfu dan l-imblokk li qiegħed ixekkel bil-kbir il-kummerċ bejn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Is-sewwieqa tat-trakkijiet qegħdin jipprotestaw kontra miżuri tal-Covid-19 li introduċa l-gvern Kanadiż. F’parti mid-dimostrazzjoni tagħhom huma mblukkaw il-pont magħruf bħala Ambassador Bridge, liema mblokk issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar sitt ijiem. Dan qiegħed joħloq intoppi kbar fil-kummerċ, tant li anke l-President tal-Istati Uniti Joe Biden sejjaħ għat-tmiem ta’ dan l-assedju. S’issa għad m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ meta dan l-imblokk se jitneħħa.
Ambassador Bridge huwa l-iktar arterja importanti ġewwa l-Amerika ta’ Fuq u għalhekk l-effett tad-dimostranti huwa wieħed devastanti. Ġimgħa ilu d-dimostranti mblukkaw iż-żewġ direzzjonijiet ta’ dan il-pont bi trakkijiet, karozzi u vannijiet u kawża ta’ hekk il-provvista tal-manifatturi tal-karozzi ġewwa Detroit tista’ tgħid li waqfet għalkollox.
Dak li qiegħed ikun imlaqqam bħala l-Konvoj tal-Libertà beda fil-kapitali Kanadiża ta’ Ottawa mis-sewwieqa tat-trakkijiet.
Dawn is-sewwieqa qed jipprotestaw kontra l-ordni li tgħid li huma jridu jkunu mlaqqma ta’ bilfors biex jaqsmu l-fruntiera bejn l-Kanada u l-Istati Uniti. Jidher iżda li dawn id-dimostrazzjonijiet komplew jiżvolġu u jinfirxu fuq temi politiċi oħrajn.