Il-Pulizija Maltija ma tafx fejn jinsab l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson. Dan ħareġ il-Ħamis waqt ix-xhieda tal-Ispettur Robinson Mifsud f’seduta oħra quddiem il-Magistrat Lara Lanfranco fejn numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
F’Jannar il-Qorti kienet ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jibda proċeduri bil-għan li jaġġornaha f’hiex waslu l-investigazzjonijiet biex jinstab Harbinson. L-Ispettur xehed li l-Pulizija għamlet użu minn sistemi tal-Interpol bil-għan li jiġi intraċċat Harbinson u l-indirizz fejn jinsab.
Mhux awtorizzat
Fis-7 ta’ Frar kien hemm korrispondenza mal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar informazzjoni fuq ir-residenza tal-espert. Mifsud xehed illi ngħatat tweġiba iżda huwa ma jinsabx f’pożizzjoni li jippreżentaha għaliex m’għandux din l-awtorizzazzjoni min-naħa tar-Renju Unit. Spjega li issa l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta jrid jibda korrispondenza mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fir-Renju Unit dwar din it-tweġiba.
Fuq mistoqsijiet tal-Avukat Vince Galea li qed jidher għal Dr Muscat, ħareġ li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’Malta għandu kopja tat-tweġiba li ngħatat. Dr Galea saħaq li dan ifisser li dan id-dokument fil-verità jinsab Malta iżda madankollu d-Difiża u l-Qorti m’għandhomx aċċess għalih.
L-avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li għad trid issir korrispondenza mar-Renju Unit bil-għan li tingħata l-awtorizzazzjoni neċessarja. Għall-mistoqsija tal-avukatessa Kathleen Grima jekk tistax għall-inqas tingħata indikazzjoni jekk bit-tweġiba li ngħatat sarx xi pass ’il quddiem biex jinstab Harbinson, intqal li dan mhux possibbli għaliex m’hemmx l-awtorizzazzjoni mir-Renju Unit.
L-ewwel darba
Mistoqsi mill-avukat Stefano Filletti kemm ilu li għadda l-korrispondenza mar-Renju Unit lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Ispettur Mifsud wieġeb illi ilu madwar ġimagħtejn, bl-avukat Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali minnufih jistaqsih hux ċert illi ilu daqshekk. L-uffiċjal tal-Pulizija mbagħad qal li ma jiftakarx eżatt izda l-massimu huwa ġimagħtejn.
Għall-mistoqsija tal-Avukat Franco Debono, l-Ispettur Mifsud qal li dan huwa l-ewwel każ fejn espert tal-Qorti qed ikun imfittex permezz tal-Interpol. L-Avukat Debono talab lill-Maġistrat Lanfranco sabiex minħabba illi ilu sena jirrifjuta li jixhed, hija ghandha tirrevoka l-konferma ta’ Jeremy Harbinson bhala espert.
12-il miljun file
Fil-bidu tas-seduta xehed l-espert forensiku Martin Bajada li ppreżenta hard drive b’informazzjoni li suppost intużat bħala bażi bil-għan li thejjit l-inkjesta. Qal li f’din il-hard drive waħda hemm iktar minn 12-il miljun file u li l-ispiża fuq kull hard drive se titla sa €2,000. L-espert qal li ħas li kellu jirrimarka dan għaliex l-ispiza se tkun waħda kbira għaliex għad fadal ħafna hard drives oħra li jridu jiġu mħejjija.
Meta sar magħruf illi l-ispiża fuq dawn il-hard drives trid tinġarr mill-akkuzati, l-avukati difensuri ordnaw lill-istess akkużati biex jagħtu lura l-hard drive li kienet ingħatat lilhom. L-avukati rrimarkaw li kien l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li talab kopja ta’ dawn il-hard drives u kien biss wara din it-talba li huma talbu biex l-akkużati wkoll jingħataw kopja tal-istess hard drives.
Irrilevanti
L-avukatessa Kathleen Grima rrimarkat li wara li tlestiet l-inkjesta, tħallsu l-miljuni u ħafna nies tressqu l-Qorti, l-istess Qorti spiċċat qed ikollha terġa’ tqabbad espert ieħor biex issa jiftaħ l-aċċess għall-informazzjoni fil-hard drives. L-avukat Edward Gatt qal li fil-prinċipju akkużat jerfa’ l-ispejjeż fl-eventwalità li jinstab ħati u bit-talba li qed issir biex l-akkużati jħallsu huma ghall-hard drives, qed ikun imminat id-dritt taghhom tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
L-avukat Franco Debono sahaq li l-hard drives huma irrelevanti għaliex il-materja ewlenija hija x’se jsir dwar Jeremy Harbinson li issa ilu sena “jgħaddi lill-Qorti biż-żmien” u wara li tħallas u għalaq il-kumpaniji, ħadd ma jaf x’sar minnu. Saħaq li huwa inaċċettabli li l-akkużati jitgħabbew bl-ispejjeż meta kulhadd jaf li Harbinson mhux se jixhed.
L-AG ma tridx issib soluzzjoni
L-Avukat Stefano Filleti rrimarka illi l-Qorti, il-prosekuzzjoni u d-difiza qed jiġu mirduma b’ammonti kbar ħafna ta’ dokumenti li qatt ma jistgħu jiġu studjati kollha. Staqsa x’neċessità hemm li jiġu esebiti volumi sħaħ ta’ dokumenti mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Żied li dawn id-dokumenti suppost illi ġew eżaminati minn Jeremy Harbinson li issa minflok qed jispjega r-rilevnza tagħhom għal din il-kawża, qed jagħmel minn kollox biex ma jinstabx u biex ma jixhidx.
L-avukat Edward Gatt qal illi apparti Jeremy Harbinson, huwa l-Uffiċċju tal-Avukat Generali li qed jostakola l-andament tal-kawża. Żied li dan l-Uffiċċju jaf li għandu problema kbira b’Harbinson iżda ma jridx isib soluzzjoni għaliha. L-avukat Gatt talab lill-Qorti biex issir seduta li matulha l-Avukat Generali tmur tiddibatti fil-Qorti l-andament tal-prċeduri.

