Thursday, December 4, 2025

Il-Pulizija Maltija tarresta raġel imfittex fuq bombi ma’ ATMs fl-Awstrija

Aqra wkoll

Fis-sigħat illi għaddew, il-Pulizija Maltija arrestat Maċedonjan, li huwa fost numru ta’ persuni li jiffurmaw parti minn grupp ta’ kriminali Ewropew, imfittxija mill-awtoritajiet Awstrijaċi b’rabta ma’ serje ta’ bombi ma’ ATMs tal-banek fl-Awstrija.

L-investigazzjonijiet fl-Awstrija bdew is-sena li għaddiet u ġew identifikati total ta’ 48 suspettat, bl-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni ta’ Vjenna, fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda, ħareġ Mandati ta’ Arrest Ewropew (EAW’s) fil-konfront tagħhom.

Kmieni t-Tlieta filgħodu saret operazzjoni internazzjonali f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom f’Malta. L-operazzjoni f’Malta kienet waħda konġunta bejn taqsimiet diversi tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, fejn ġiet iċċirkondata residenza f’San Pawl il-Baħar. Dan wara li minn investigazzjonijiet illi saru, wieħed mis-suspettati, Maċedonjan ta’ 29 sena, ġie identifikat li qiegħed joqgħod Malta u dan huwa wieħed mid-29 persuna li sa issa ġew arrestati.

Ir-raġel tressaq il-Qorti t-Tlieta, sabiex jibda l-proċess biex jiġi estradit lejn l-Awstrija. Huwa ta l-kunsens tiegħu biex jiffaċċja l-proċeduri kriminali fl-Awstrija. Huwa baqa’ jinżamm taħt arrest.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport