Friday, December 27, 2024

Il-Pulizija mhix tqis il-mewt ta’ Sinéad O’Connor bħala waħda suspettuża

Aqra wkoll

Il-Pulizija qalet li l-mewt ta’ Sinéad O’Connor mhix qed tiġi meqjusa bħala waħda suspettuża wara s-sejba tal-katavru tagħha nhar l-Erbgħa.

Il-kantanta u attivista Irlandiża ta’ 56 sena, magħrufa l-aktar għall-kanzunetta Nothing Compares 2 U, instabet fid-dar tagħha f’Herne Hill, fin-Nofsinhar ta’ Londra fejn ġiet iċċertifikata mejta fil-post.

Il-Qorti ta’ Londra Inner South Coroner qalet li ma ngħatat l-ebda kawża medika għall-mewt tagħha u żiedet li se tkun qiegħda ssir l-awtopsja.

Il-Qorti żiedet li r-riżultati jistgħu jieħdu “diversi ġimgħat” u deċiżjoni dwar jekk tkunx meħtieġa inkjesta b’rabta mal-mewt tagħha għandha tiġi deċiża meta joħorġu l-istess riżultati.

Il-familja ta’ O’Connor ħabbret l-aħbar tal-mewt tagħha l-Erbgħa filgħaxija fejn qalet li l-familja u l-ħbieb tagħha huma ferm maħsudin. Hija se tibqa’ mfakkra għal bosta dikjarazzjonijiet politiċi, inkluż fl-1992 meta qattgħet f’biċċiet b’mod kontroversjali ritratt tal-Papa Ġwanni Pawlu II waqt prestazzjoni fuq il-programm televiżiv Amerikan Saturday Night Live.

It-tqattigħ tar-ritratt li hija neħħiet minn frame fid-dar ta’ ommha wara mewtha, kienet protesta kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fil-Knisja Kattolika.

Bosta kienu dawk li sellmu l-memorja tagħha fosthom il-kantanta Annie Lennox, li fakkret lil O’Connor f’poeżija fejn sejħitilha “ħarxa u fraġli… impulsiva, kuraġġuża u sabiħa… b’ vuċi inkredibbli”.

Ekonomija

Sport