Thursday, December 26, 2024

Il-Pulizija ordnawlu biex jieqaf għax kien qed juża l-mobile… u sabulu d-droga

Aqra wkoll

Mihajlo Gjelev ta’ 23 sena mill-Maċedonja tressaq il-Qorti fejn qiegħed jiffaċja akkużi ta’ traffika tad-droga. Il-Pulizija jidher li ma kellhom l-ebda suspett li Gjelev kien qiegħed jitraffika d-droga, iżda waqt ronda, l-akkużat ġie nnutat li qed isuq bil-mobile u għalhekk twaqqaf mill-Pulizija.

Kien f’dan il-waqt li fit-tfittxija li saritlu instab ammont ta’ droga kemm fil-karozza u aktar tard fid-dar tiegħu f’San Pawl il-Baħar.

L-Ispettur Francesco Mizzi akkużat lil Gjelev quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco bi traffikar tad-droga, li kellu ammont ta’ droga li ma kienx għal użu personali tiegħu, li għamel dikjarazzjoni falza quddiem l-awtortitajiet u anke li ffalsifika dokumenti.

Akkużi oħrajn huma li kien qiegħed isuq il-karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan jew polza tal-assigurazzjoni, li kien qiegħed iġorr sikkina fil-pubbliku mingħajr il-permess tal-Pulizija kif ukoll li kien qiegħed juża l-mobile waqt is-sewqan.

L-Ispettur Mizzi spjega fil-Qorti li uffiċjali tal-pulizija nnutaw lill-akkużat jitkellem fuq il-mobile waqt li kien wieqfa fit-traffiku. L-uffiċjali tal-pulizija marru biex ikellmuh, iżda hekk kif ordnawlu biex isuq għal ġemb hu baqa’ jsuq.

B’ħidma kkordinata l-pulizija rnexxielhom iwaqqfuh u saret tfittxija fil-karozza. Hu ma kellu l-ebda liċenzja tas-sewqan jew polza ta’ assigurazzjoni. Aktar minn hekk fil-karozza nstab ammont ta’ kannabis u sikkina. Kien hawn li hu ġie magħrraf li kien qiegħed jiġi arrestat.

Il-Pulizija ġabu warrant biex tkun tista’ ssir tfittxija fid-dar tiegħu fejn instabet aktar droga li kien juri ċar li ma kienx għal użu personali tiegħu.

Fil-Qorti Gjelev wieġeb mhux ħati filwaqt li l-avukat difensur Robert Piscopo nforma lill-Qorti li f’dan l-istadju mhux se jkun qiegħed jitlob ħelsien mill-arrest.

Ekonomija

Sport